Lokali

Eks studenti tal-MCAST qed jintalbu jroddu lura flus li tħallsu żejda wara żball amministrattiv

Eks studenti tal-MCAST li pparteċipaw f’intership exercise qed jiġu mitluba jħallsu lura l-fondi li huma rċevew minħabba ħlasijiet żejda li għamlu.

The Malta Independent li rraportat l-istorja qalet li dawn il-ħlasijiet żejda jammontaw għal €21,000 bl-ammont minn kull student jiddependi mill-attendenza. Studenti qalu li din kienet sorpriża u li huma m’għandhomx iħallsu għall-izbalji ta’ ħaddieħor. L-istudenti issa komplew b’ħajjithom u għandhom l-impenji finanzjarji tagħhom. L-ammonti żejda li tħallsu jvarjaw minn €2,800 għal €3,100 kull student.

Il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia qal li din kienet opportunità ta’ darba li seħħet wara informazzjoni mill-industrija tal-video gaming dwar ir-rekwiżiti tal-industrija. Din kienet implimenata permezz ta’ kors ta’ 12-il xahar fil-Video Game Art.

Il-Principal tal-MCAST qal li l-kulleġġ assigura fondi pubbliċi għall-istudenti waqt li dawn kienu qed jattendu l-kors. Kienu iffirmati wkoll ftehim ma’ kull student li speċifikaw l-ammont eżatt ta’ fondi li huma se jirċievu għall-kors.

Minħabba żball amministrattiv, l-istudenti tħallsu żżejjed iktar mill-ammont speċifikat fil-kuntratt.

Wara laqgħat li saru  mal-istudenti dawn ingħataw l-opportunità li jħallsu l-ammonti żejda gradwalment fuq perjodu ta’ żmien. L-MCAST qal li l-fondi li jitħallsu l-istudenti huma fondi pubbliċi u għalhekk m’għandhiex għażla oħra ħlief li titlob il-flus lura. Dan qed  isir biex ma jkunx  hemm piżijiet fuq l-istudenti.