L-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb irritorna fl-arena politika biex jagħti palata lil Joseph Muscat, ħamest ijiem qabel il-poplu jmur jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija u straordinarja.
Tony Zarb kien mistieden jindirizza rally tal-Partit Laburista fil-Workers’ Memorial Building tal-GWU fil-Belt Valletta meta f’diskors quddiem numru ta’ partitarji Laburisti, Tony Zarb infexx f’tifħir u eloġji favur Joseph Muscat.
Imma spikka messaġġ li Tony Zarb kellu għal dawk li għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw, jew inkella dawk il-Laburisti li huma mweġġgħin, f’konferma tal-mod kif il-Partit Laburista injora anke lil-Laburisti ġenwini biex jaqdi lill-klikka korrotta u lil tal-qalba.
Tony Zarb irtira mill-General Workers’ Union fl-2015, wara perjodu twil fit-tmun ta’ din il-Union li taħt id-direzzjoni tiegħu kienet meqjusa bħala forċina tal-Partit Laburista. Imma kien biss fl-2016 meta sar magħruf li Tony Zarb kellu jingħata pożizzjoni mal-Gvern bħala konsulent part-time mal-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi.
L-attività li matulha tkellem l-eks Segretarju Ġenerali Tony Zarb kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo kif ukoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li ntlaqa’ fil-Workers’ Memorial Building mill-President tal-GWU Victor Carachi.
//= $special ?>