#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Wara sena bir-rapporti moħbijin, Muscat jgħid li ma kienx hemm ‘cover-up’ mill-Pulizija

Wara li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar poġġa fuq ir-rapporti tal-FIAU għal sena sħiħa, u m’għamel xejn dwarhom, dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad il-possibiltà li din kienet ‘cover-up’ mill-Pulizija b’kollużjoni mal-Gvern.

Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar numru ta’ rapporti tal-FAIU li jikkonfermaw il-kriminalità ta’ ħasil ta’ flus, tixħim u korruzzjoni minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

L-ewwel rapport wasal għand il-Pulizija ftit jiem qabel l-eks Kummissarju Michael Cassar ħareġ bil-leave u qabel eventwalment irriżenja. Anke l-Kap tal-FIAU Manfred Galdes kien irriżenja. Lawrence Cutajar, il-Kummissarju magħżul minn Joseph Muscat sena ilu, żamm ir-rapporti tal-FIAU fuq l-ixkaffa.

“Assolutament li le” qal Joseph Muscat meta mistoqsi jekk dan kollu jfissirx li kien hemm ‘cover-up’ biex il-kriminalità ta’ Keith Schembri ma tkunx investigata.

Meta ġurnalist mill-media indipendenti kwota r-rapport tal-FIAU, partikolarment il-parti fejn jingħad li hemm biżżejjed evidenza biex ir-rapport jgħaddi għal investigazzjoni għand il-Pulizija, Muscat qal li din hija sentenza ‘standard’. “Jien li naf huwa li jkun hemm ħafna rapporti li jkunu standard dwar x’jgħidu”, qal il-Prim Ministru.

Tixħim mill-Enemalta: Muscat jindika li għadu jappoġġja lil Konrad Mizzi

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Muscat kien mistoqsi wkoll dwar l-istorja żvelata minn The Malta Independent on Sunday, li rapport ieħor tal-FIAU sab li hemm evidenza b’saħħitha li kien hemm tixħim anke mill-bejgħ tal-Enemalta; bejgħ li kien xprunat mill-Ministru Konrad Mizzi.

“Konrad Mizzi ħa jkun qed jiġi ġġudikat mill-poplu u jien nieħu d-deċiżjoni tiegħi minn hemmek”, qal il-Prim Ministru, f’indikazzjoni b’saħħitha li se jżomm lil Konrad Mizzi jekk il-Partit Laburista jerġa’ jkun elett, u f’tweġiba li fiha naqas milli jikkundanna lil Konrad Mizzi wara dak rappurtat.