Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Franco Depasquale se tiddeċiedi dwar jekk tippreservax ir-rekords dwar it-telefonati tal-Ministru Chris Cardona u l-assistent tiegħu Joe Gerada fil-każ tal-FKK Acapulco fl-10 ta’ Lulju 2017.
Dawn ir-rekords se jagħmluha possibbli li jintefa dawl fuq fejn kien il-Ministru Chris Cardona u l-assistent tiegħu fil-lejl li fih kien rapportat li żar il-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja. Dawn ir-records jinkludu l-ħinijiet tat-telefonati u l-messaġġi li saru, il-post u l-kodiċi taż-żona ta’ fejn saru t-telefonati u informazzjoni relatata.
Din l-informazzjoni tkun miżmuma għal sitt xhur biss. Dwar dan il-każ il-Ministru Cardona u l-assistent tiegħu Joe Gerada għamlu libelli lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tim legali ta’ Caruana Galizia talab lill-qorti tordna li din l-informazzjoni tkun priservata minħabba li l-kumpanija tat-telefonati jinżammu biss għal sitt xhur mill-kumpaniji. Il-Ministru Cardona u l-assistent tiegħu oġġezzjonaw li tingħata din l-informazzjoni u nsistew li huma qatt ma telqu minn Essen.
Il-klabb tal-burdell fejn kien rappuratat li mar Chris Cardona jinsab madwar 20 kilometru ‘l barra minn Essen f’Velbert. L-avukati Joe Zammit Maempel u Antonio Ghio, li qed jidhru għal Caruana Galizia, argumentaw li din hi l-prova li tikkonferma min qed jigdeb, għaliex hi prova xjentifika.
L-Avukat Pawlu Lia sostna li m’hemm l-ebda interess pubbliku f’dak li kitbet Caruana Galizia li tagħti d-dritt lill-pubbliku li jneħħu d-drittijiet fundamentali ta’ persuna.
//= $special ?>

