#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FL-AĦĦAR ĦIN: Konferma li Joseph Muscat għad għandu fiduċja f’Konrad Mizzi

Konrad Mizzi protagonist f'ċeremonja uffiċjali importanti ħamest ijiem qabel l-elezzjoni

Ħamest ijiem qabel il-poplu jivvota f’elezzjoni bikrija u straordinarja, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma bl-aktar mod ċar li għad għandu fiduċja f’Konrad Mizzi, l-uniku Ministru Ewropew li nqabad b’kumpanija sigrieta fil-Panama.

Dan meta Konrad Mizzi ntgħażel minn Joseph Muscat bħala l-protagonist ewlieni f’attività uffiċjali f’Kastilja li matulu kien iffirmat ftehim li għandu l-iskop li l-awtoritajiet Maltin u dawk Sqallin jikkoperaw bejniethom għal ħolqien ta’ pipeline tal-gass.

Konrad Mizzi ilu kampanja elettorali sħiħa jinżamm moħbi mill-Partit Laburista, tant li f’din il-kampanja elettorali, l-anqas indirizza konferenza tal-aħbarijiet waħda li hi waħda. Dakinhar li Joseph Muscat preżenta l-grupp tal-kandidati Laburisti, Konrad Mizzi ma ngħatax il-prominenza li ngħata fil-kampanja ta’ erba’ snin ilu, tant li tpoġġa bilqegħda fil-ġenb.

Dalgħodu, Muscat naqas milli jikkundanna lil Konrad Mizzi jew jiddisassoċja ruħu minnu meta mistoqsi dwar l-aktar skandlu riċenti żvelat minn The Malta Independent: dak li jinvolvi t-tixħim mill-bejgħ tal-Enemalta, bejgħ li kien xprunat minn Konrad Mizzi.

Waqt iċ-ċeremonja tal-iffirmar tal-ftehim f’Kastilja, Konrad Mizzi saħansitra għamel diskors tal-okkażjoni. Imma fi tmiem l-iffirmar tal-ftehim, la l-Prim Ministru Joseph Muscat wisq inqas il-Ministru Konrad Mizzi ma taw l-opportunità lill-ġurnalisti biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom. Minflok, ħarġu mill-ewwel mill-kamra u ħarbu mill-media.

Fl-aħħar tnax-il xahar, il-Prim Ministru Joseph Muscat kontinwament iddefenda kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri minkejja evidenza u provi ta’ ħasil ta’ flus, tixħim u korruzzjoni.