Matul l-attività tkellmu l-kandidati tal-Forza Nazzjonali fuq il-11-il Distrett. Flimkien ma’ dawn il-kandidati fuq dan id-distrett se jkun qed jikkontesta wkoll il-Kap tal-PN Simon Busuttil.
Alex Perici Calascione, it-Teżorier tal-PN u kandidat fuq dan id-distrett fakkar li 4 snin 4 persuni ħarbtu ‘l fuq minn 40 sena ta’ xogħol biex għandna l-Malta li għandna llum. Huwa qal li huwa fiduċjuż li Simon Busuttil se jagħti lura l-kredibilità lil pajjiżna.
David Agius sellem il-ħidma tas-Sindki Nazzjonalisti f’din il-lokalità u tenna l-impenn ta’ Gvern Nazzjonalista li l-parking ma jsirx viċin ir-Rotunda tal-Mosta. Huwa appella biex dan id-distrett ma jeleġġix biss lil Simon Busuttil bħala deputat minn dan id-distrett iżda wkoll biex ikun il-Prim Ministru l-ġdid ta’ pajjiżna.
Simone Aquilina tkellmet dwar kif isem pajjiżna llum sar marbut mal-korruzzjoni bil-ħsara kollha li dan ġab għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għaldaqstant l-għażla quddiemna hija li nivvutaw lill-PN li jgħolli isem pajjiżna fejn jixraqlu.
Ivan Bartolo appella lil Laburisti ġenwini li jixtiequ jaraw Malta aħjar biex jagħmlu għażla favur pajjiżna. Huwa qal li illum dawk qrib Muscat billew subgħajhom f’kollox u għalhekk l-għażla tagħna għandha tkun li nneħħuhom mill-poter.
Shirley Cauchi, kandidata f’isem il-PD, qalet li nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju għandna dover li rridu naqdu bi ħsieb ċar u b’kuxjenza nadifa. Saħqet fuq l-importanza li neleġġu Gvern b’kuxjenza soċjali li jkun kapaċi jġib il-ġustizzja fil-pajjiż.
Maria Deguara staqsiet jekk bħala poplu għadniex nemmnu fil-ġustizzja u fl-imparżjalità tal-Qrati. Siltet id-differenza bejn il-wegħdi ta’ Joseph Muscat u dak li seħħ matul l-erba’ snin. Qalet li l-aqwa zmien għadu ġej… imma taħt Gvern immexxi minn Simon Busuttil.
Graziella Galea fakkret li Gvern Labursita qatt ma ra l-interess ta’ pajjiżna u sejjaħ elezzjoni sena qabel biex iħares l-interessi tal-klikka ta’ madwaru. Saħqet li aħna nemmnu fis-sinċerità ta’ Simon Busuttil u sostniet li l-poplu għandu jingħaqad f’vot lill-Forza Nazzjonali.
Il-kandidat Alex Mangion tkellem dwar kif l-istudenti sfaw ingannati minn Joseph Muscat li sejjaħ elezzjoni f’nofs l-eżamijiet tagħhom. Tkellem dwar Simon Busuttil u kif bena partit li huwa miftuh għal kulħadd kif jista’ jixhed huwa stess.
Il-kandidat tal-PD Charles Polidano qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu eżami importanti quddiemu li jrid jgħaddi minnu billi jagħmel għażla tajba għall-futur ta’ pajjiżna.
Connie Scerri heġġet lil dawk li huma mitluba jagħmlu l-għażla tagħhom nhar is-Sibt li ġej biex jiflu sew il-proposti kollha fit-tliet programme elettorali li ressqet il-Forza Nazzjonali.
Giorgio Schembri tkellem kif Gvern Nazzjonalista jwettaq politika nadifa, joħloq 30,000 impjieg ġdid għaż-żgħażagħ f’setturi ġodda u jħares l-ambjent ta’ pajjiżna.
Edwin Vassallo fakkar li kellu jistenna 3 snin biex jingħata d-dritt li tah il-poplu li jirrapprezentaħ. Huwa qal li jekk ikun elett jirrappreżenta l-valuri ta’ politika nadifa li jħaddan il-PN.
//= $special ?>