Internazzjonali

Il-Libja: Ajruplani tal-gwerra jwettqu attakki fuq Derna

Rapporti mil-Libja qalu  li ajruplani tal-gwerra  wettqu tliet attakki fuq il-belt  ta’ Derna, għalkemm ma kien hemm l-ebda konferma immedjata mingħand l-uffiċjali f’dan il-pajjiż. L-azzjoni tidher li saret ftit jiem wara li l-Eġittu kien attakka  kampijiet fl-inħawi ta’ Derna, ‘bil-għan li jolqot lill-militanti responsabbli mill-qtil ta’ Kristjani Kopti’ fl-artijiet Eġizzjani.

Fl-istess ħin, ma ħarġitx stqarrija ta’ responsabbiltà għall-aħħar rejd irrappurtat fuq Derna, li tinsab lejn il-Lvant imbiegħed tal-Libja, mal-kosta tal-Mediterran.

Ix-xhieda li tkellmu dwar l-aħħar attakki qalu li l-ajruplani kkonċentraw fuq l-inħawi li jipprovdu aċċess għal din il-belt min-naħa tal-Punent, u bl-attakki jolqtu wkoll iz-zona ta’ Dahr al-Hamar lejn in-Nofsinar.

Nhar il-Ġimgħa, il-qawwiet tal-ajru tal-Eġittu kienu attakkaw l-inħawi ta’ Derna, sigħat biss wara li militanti armati vvjaġġaw minn hemmhekk lejn monasteru fil-provinċja (Eġizzjana) ta’ Minya fejn wettqu sparatura li fiha nqatlu madwar 30 persuna, b’aktar minn 20 jisfaw midruba.

It-terroristi tal-ISIS ħadu responsabbiltà għall-attakk tal-Ġimgħa fl-Eġittu li kien l-aħħar wieħed kontra l-minoranza tal-Kristjani f’territorju Eġizzjan.

L-Eġittu attakka l-inħawi ta’ Derna anki nhar is-Sibt, meta l-awtoritajiet Eġizzjani, s’issa, wettqu diversi attakki mill-ajru fuq iz-zoni tal-Libja mindu dan il-pajjiż għereq f’kaos u ġlied kontinwu bejn milizzji rivali wara l-konflitt ċivili tal-2011 li ġab fi tmiemha l-era tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

L-ISIS, intant, approfitta mill-kaos u l-anarkija fil-Libja biex jikkonsolida l-kontroll f’numru ta’ artijiet f’dan il-pajjiż.