Is-Segretarju tal-Intern tar-Renju Unit, Amber Rudd, qalet li jridu jkunu investigati ‘l-opportunitajiet mitlufa’ biex jinqabad it-terrorista li, il-ġimgħa l-oħra, tajjar l-isplussivi li kien qed iġorr fuqu waqt kunċert tal-kantanta Ariana Grande, f’Manchester.
F’dan l-attakk inqatlu u sfaw feruti għexieren ta’ nies, u issa qed jingħad li uffiċjali fl-Istati Uniti, kmieni fis-sena, kienu wissew lis-servizzi sigrieti Britanniċi li t-terrorista inkwistjoni – Salman Abedi – kien qiegħed jippjana attakk fir-Renju Unit proprju.
Filwaqt li s-servizzi Britanniċi tal-M15 qed jiffaċċjaw dejjem aktar mistoqsijiet dwar kif ‘ma evitawx it-terrur ta’ Manchester’, Amber Rudd spjegat li l-investigazzjoni għandha tiddetermina ‘jekk setgħux kienu injorati xi sinjali li attakk bħal dan kien imminenti’.
Filwaqt li r-Renju Unit naqqas il-livell tal-allert terroristiku minn kritiku għal sever, is-Segretarju (Home Secretary) Rudd ikkonfermat li xi membri tan-network terroristiku li kien jifforma parti minnha Abedi ‘kapaċi għadhom jiġru ħielsa qalb il-pubbliku’.
L-aħħar kummenti ta’ Rudd ingħataw wara rapporti li aġenti tal-FBI Amerikana, f’Jannar, kienu infurmaw lis-servizzi tal-M15 li Salman Abedi kien jifforma parti minn entità terroristika magħmulha minn membri Afrikani u li kellha l-bażi fil-belt ta’ Manchester. Kienet anki ngħatat twissija dwar ‘pjani għal attakk’ min-network ta’ Abedi.
L-aġenti federali Amerikani kienu ilhom isegwu lil Abedi mill-2016 u jingħad li huma għaddew l-informazzjoni li kisbu mil-Libja (minfejn ġejjin il-ġenituri tat-terrorista) u li bbażat ukoll fuq xi komunikazzjonijiet tal-istess terrorista li spiċċaw interċettati.
Sorsi li wasslu dettalji lill-gazzetta The Mail tar-Renju Unit qalu li ‘ wara li rċevew din l-informazzjoni, Abedi u membri oħra tan-network waqgħu taħt l-iskrutinju tal-M15 fost il-ħsieb, dak iż-żmien, li Abedi kien qed jaħseb biex joqtol lil xi personalità politika’. Jidher, intant, li minn dan ma żviluppa xejn u li, b’konsegwenza, Salman Abedi ma baqax segwit bi priorità massima.
Hu rappurtat ukoll li membri tal-komunità fejn kien jgħix Abedi, tul l-aħħar ħames snin, kienu infurmaw lill-awtoritajiet diversi drabi dwar l-aġir ‘suspettuż’ ta’ dan ir-raġel.
Amber Rudd, intant, sostniet li l-evalwazzjoni tad-dettalji u ċ-ċirkustanzi f’dan il-każ tista’, ‘il quddiem, tiżvela ‘jekk kienx hemm sinjali adekwati ( minn qabel) ta’ dak li kellu jseħħ’. Ingħad li l-evalwazzjoni għandha tgħin ukoll biex l-awtoritajiet tas-sigurtà, fil-futur, jirreaġġixxu b’mod aktar effettiv għal ‘sitwazzjonijiet prospettivi ta’ terrur’.
Filwaqt li l-pulizija ta’ Greater Manchester qed ikomplu bir-rejds fuq residenzi suspettużi, il-Home Secretary irreferiet għall-possibbiltà li l-kompliċi ta’ Abedi qegħdin jgħixu bil-moħbi qalb il-komunità. Amber Rudd kompliet li filwaqt li l-awtoritajiet qed jirrikonoxxu l-livell tat-theddida, huma jafu wkoll li ‘jeħtieġu jagħmlu aktar biex irażżnuha’.
//= $special ?>