Lokali

Joseph Muscat ħela erba’ snin dwar il-pipeline tal-gass – PN

Bl-iskop li jipprova jtaffi r-rabja tal-poplu Malti dwar ir-rapporti tal-FIAU, l-aġenzija li tinvestiga l-ħasil tal-flus li kienu ppubblikati f’The Malta Independent, li fihom kien allegat li Konrad Mizzi u Keith Schembri ħadu flus b’tixħim mill-privatizazzjoni tal-Enemalta u mit-tanker tal-gass li tpoġġa fil-bajja ta’ Marsaxlokk, Joseph Muscat biex jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien, fl-aħħar ġimgħa tal-gvern tiegħu mar jiffirma letter of intent ma’ Sqallija dwar il-pipe-line tal-gass. Dan minkejja l-wegħda elettorali tiegħu erba’ snin ilu li fl-ewwel ġimgħa tal-gvern kien se jibda jaħdem dwar il-pipe-line tal-gass ma’ Sqallija.

Marthese Portelli, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħadu sehem ukoll Ryan Callus, kelliem dwar l-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura u l-kandidat tal-PN Errol Cutajar.

Hi fakkret li fil-programm  elettorali tal-Partit Laburista, Joseph Muscat wiegħed li bl-ebda mod l-Enemalta ma kienet se tkun privatizzata, imma ftit wara li ħa l-poter, Joseph Muscat ipprivatizza l-Enemalta.

Dwar it-tanker tal-gass, Marthese Portelli qalet li Joseph Muscat minflok investa fil-pipe-line tal-gass bħalma wiegħed, għażel li jmur għat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk li qatt ma ssemma fil-programm elettorali u li issa mir-rapport tal-FIAU joħorġu allegazzjonijiet ta’ tixħim minn Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Marthese Portelli fakkret li l-idea li jsir il-Pipe-line tal-gass kienet tal-gvern Nazzjonalista li kien diġà beda jaħdem fuqha.

Ryan Callus qal li l-gvern ta’ Joseph Muscat hu mifni bil-korruzzjoni u minbarra l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fuq il-privatizazzjoni tal-Enemalta u fuq it-tanker tal-gass, Keith Schembri kien involut ukoll fit-tixhim mill-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lil tliet persuni Russi. HU qal lio mhux ta b’xejn li Joseph Muscat u Keith Schembri daru d-dinja biex ibiegħu iċ-ċittadinanza Maltija.

Fakkar ukoll li Keith Schembri hu allegatament involut fi skandlu ieħor jiġifieri li għadda €650,000 lil Adrian Hillman li kien managing director tat-Times of Malta. Dawn il-flus ingħataw qabel u wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet bl-iskop li tinxtara The Times of Malta.

Ryan Callus qal li quddiem dawn l-iskandli kollha mill-iktar żewġ persuni qrib tiegħu f’Kastilja, Joseph Muscat ma ħax passi u għalhekk irid jerfa’ r-responsabbiltà, inkluż tal-persuna li tmexxi l-uffiċċju tiegħu.

Errol Cutajar qal li gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar kummissarju tal-Pulizija ġdid u jinvestiga l-kuntratti kollha li fihom huma involuti Keith Schembri u Konrad Mizzi. Hu qal li issa ħarġu wkoll l-allegazzjonijiet ta’ tixħim dwar il-privatizazzjoni tal-Enemalta u dwar it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Għalhekk nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju l-poplu Malti u Għawdxi jrid jagħżel bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u Malta u l-poplu għandu jgħid, Jien Nagħżel Malta.

Sadattant, Marthese Portelli fakkret li Gvern ġdid Nazzjonalista jraħħas il-prezz tal-petrol u tad-disel b’ħames ċenteżmi kull litru minn Ġunju u se jħalli €20 miljun aktar fil-bwiet tan-nies fuq medda ta’ sena. Fakkret ukoll li l-prezz tal-petrol u tad-disesel se jinżamm inqas mill-medja tal-UE matul il-ħames snin tal-leġislatura ta’ gvern ġdid Nazzjonalista. Hi qalet li matul l-erba snin fl-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista mhux biss ikkrtika lil Gvern ta’ Muscat fejn kellu jikkritika imma kien pro-attiv u ippubblika tmien policu documents dwar diversi oqsma fosthom dwar it-traffiku, l-ambjent, l-ekonomija, il-good governance u anke dwar il-politika għan-negozji ż-żgħar u l-ħwienet.