Is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel ċaħad dak li qal Lewis Hamilton wara l-Grand Prix li sar il-Ħadd li għadda f’Monaco.
Vettel qal li ma kien hemm l-ebda pjan minn naħa tat-tim tiegħu biex ikun hu u mhux sieħbu Kimi Raikkonen li jirbaħ it-tellieqa f’Monaco.
Hamilton hu konvint li dan mhux il-każ u qal li l-Ferrari żgur identifikaw lil Vettel bħala s-sewwieq numru wieħed tagħhom u se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex ikun hu li jirbaħ it-tlielaq biex jisfida għar-rebħ tat-titlu. Nhar il-Ħadd Vettel temm quddiem Kimi Raikkonen u bis-saħħa ta’ din ir-rebħa Sebastien Vettel, erba’ darbiet champion tad-dinja kabbar il-vantaġġ fil-klassifika tas-sewwieqa għal 25 punt.
Għal Vettel din kienet it-tielet rebħa tas-sena u l-45 waħda fil-karriera tiegħu, kif ukoll l-ewwel rebħa ta’ Ferrari sa mis-sena 2001, meta dakinhar kien ħareġ rebbieħ Michael Schumacher. Fit-tielet post spiċċa Daniel Ricciardo fuq Red Bull quddiem Valtteri Bottas fuq Mercedes.
Għal Mercedes dan kien tmiem il-ġimgħa mill-iktar diżappuntanti fejn Lewis Hamilton seta’ jispiċċa biss fis-seba’ pożizzjoni wara li kien beda mit-13-il post.
Fil-klassifika tas-sewwieqa Sebastian Vettel jinsab fl-ewwel post b’129 punt, segwit minn Lewis Hamilton li għandu 104 punti u fit-tielet post jinsab Valtteri Bottas b’75 punt. Fil-klassifika tal-kostrutturi Ferrari jinsabu fl-ewwel post b’196 punt, segwiti minn Mercedes li għandhom 179 punt, u fit-tielet post hemm Red Bull b’97 punt.
“Hu ċar li l-Ferrari għażlu s-sewwieq numru wieħed. It-tim tagħna għadu ma għamilx dan u jien mhux beħsiebi nitkellem mad-diriġenti dwar dan il-każ. Sa minn meta ingħaqad magħna Bottas għamel biċċa xogħol mill-aqwa u nemmen li għalissa m’għandux ikun ippreferut sewwieq jew ieħor.”
Hamilton temm jgħid li hu importanti ħafna li l-Mercedes jaħdmu bħala tim għax wara kollox hemm anke t-titlu tal-kostrutturi x’jintrebaħ.
Intant, l-ekschampion mondjali tal-Mercedes Nico Rosberg qal li mhux qed iħoss in-nuqqas tal-isport f’ħajtu la darba waqaf jikkompeti. Rosberg rebaħ it-titlu matul is-sena li għaddiet u ħamest ijiem wara ħasad lil kulħadd billi ħabbar li kien se jirtira.
“M’għandix għalxiex inħoss in-nuqqas tal-Formula 1 għax ksibt dak kollu li xtaqt f’dan l-isport. It-tmiem tiegħi kien wieħed perfett u ma setax ikun aħjar. Issa qed nieħu gost insegwi kollox bħala spettatur u din is-sena jidher li se jkun hemm sfida mill-isbaħ għat-titlu mondjali,” qal Rosberg.
Dan tal-aħħar temm jgħid li jixtieq li jkun sewwieq tal-Mercedes li jirbaħ it-titlu.