“Ninsabu determinati aktar minn qatt qabel li wara din il-kampanja elettorali se nsiru mill-ġdid Maltin u Għawdxin, li flimkien se niktbu paġna ġdida għal Malta u Għawdex. Determinati li sa nhar is-Sibt nagħmluha ċara li l-għażla hi bejn Joseph Muscat li miexi fuq it-triq ta’ korruzzjoni, u t-triq tal-poplu Malti u Għawdxi, it-triq tal-futur ta’ pajjiżna.”
Dan kien il-messaġġ imqanqal tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li f’mass meeting fir-Rabat f’Għawdex, qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, jiġġieled lill-korruzzjoni, u allura ċert li l-poplu se jivvota kontra l-klikka ta’ Kastilja u għandu jkun kburi b’dan.
“Wara t-3 ta’ Ġunju, mill-ġdid inkunu kburin li aħna Maltin,” tenna Simon Busuttil. Fuq kollox indirizza lill-Għawdxin, u wiegħed li mill-ġdid, wara s-Sibt li ġej, il-gżira Għawdxija terġa’ lura għall-istat li jixirqilha – gżira ta’ opportunitajiet u investiment.
Fuq kollox, taħt Gvern Nazzjonalista, pajjiżna jgawdi soċjetà ġusta, kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent aħjar, kampanja li nistgħu ngawdu flimkien u b’servizzi li jixirqilna nkluż trasport bejn Għawdex u Malta li jtejjeb il-kwalità tal-Għawdxin.
Tkellem dwar il-kampanja ta’ biża’ mill-Partit Laburista, u qal li l-poplu Malti mhux se jaċċetta li min ibeżża’ jegħleb lill-verità. “Ejja ma nħallux it-torċa tat-tama li ilna nixegħlu u nġorru fl-aħħar xhur tintefa’, imma nġorruha biex turina t-triq tas-sewwa,” appella Simon Busuttil.
Wiegħed li “mill-għada tal-elezzjoni, il-Forza Nazzjonali hi lesta li tmexxi dan il-pajjiż, lesta li tmexxi lil Għawdex lejn futur aħjar bi programm elettorali speċifiku, mimli ideat, enerġija u entużjażmu mill-Għawdxin għall-Għawdxin.”
Fakkar ukoll li l-Partit Laburista għaddej bi kritika fil-konfront tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista. “Joseph Muscat jaħseb li aħna mhux kapaċi nibdew inwettqu l-proposti mal-ewwel 100 ġurnata, iżda hemm ħaġa waħda li aħna ma nagħmlux: aħna qatt u qatt m’aħna se mmorru niġru l-Panama niftħu l-kumpaniji sigrieti,” saħaq Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li minkejja l-wegħdi, il-Partit Laburista ma jistax jiġi fdat għaliex nieqes mill-integrità. Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista wettaq proġett wara l-ieħor, għax il-proġetti għal Għawdex dejjem saru taħt Partit Nazzjonalista. Gvern Laburista ma kienx kapaċi jibda mqar proġett wieħed u jlestih, ħlief il-latrina ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ sensiela ta’ proposti, fosthom l-għoti mill-ġdid tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lura lill-Għawdxin. “Is-saħħa tiġi l-ewwel, u mas-saħħa ħadd ma għandu jilgħab u ma jistax ikollna taħwid,” qal Simon Busuttil li fakkar kif il-prezz tal-korruzzjoni kien sptar tal-poplu li ngħata lill-barranin.
Gvern Nazzjonalista jippubblika d-dokumenti kollha tal-kuntratti ffirmati minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, u li dawn jiġu investigati. Dan minbarra pjan ġdid ta’ modernizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bil-flus mill-Unjoni Ewroepa biex il-poplu jkollu l-aqwa sptar possibbli u pubbliku.
Fl-istess waqt, madankollu, il-ħaddiema Għawdxin għandhom garanzija ċara li l-impjieg tagħhom se jkun protett, anke jekk ikunu telqu mal-Gvern u marru mal-kumpanija privata. Dawn jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura.
“Din hi kelmti, mhux il-kelma ta’ xi best friend tiegħi li jbill subgħajh f’kollox, kif Keith Schembri għamel fil-kuntratti nazzjonali ffirmati,” wiegħed Simon Busuttil, li tkellem ukoll fuq proġett nazzjonali tar-rabta permanenti bejn Għawdex u Malta. “Jien determinat li din il-ħolma sabiħa nbiddluha f’realtà biex b’hekk l-Għawdxin darba għal dejjem jegħlbu l-ostaklu.”
Ħolma li twassal mhux biss li tnaqqas il-ħela ta’ ħin u traġitt twil għall-Għawdxin, imma wkoll jispiċċa l-bżonn li l-Għawdxin jibqgħu jgħixu u jħallsu l-kirjiet f’Malta u jirritornaw lura lejn djarhom biss fi tmiem il-ġimgħa.
Gvern Nazzjonalista jemmen ukoll li pajjiżna jixraqlu l-aqwa infrastruttura u l-aqwa toroq, u għalhekk hemm €60 miljun dedikati biss għal erba’ toroq prinċipali f’Għawdex, minbarra investiment ta’ €3 miljun iktar fis-sena għat-toroq residenzjali fil-gżira Għawdxija.
Kien hawn li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil dawk li għadhom indeċiżi kif se jivvutaw, u lil-Laburisti u qalilhom: “Dan hu l-programm elettorali tagħkom. Għamluh il-programm tagħkom biex flimkien pajjiżna jkun verament dak il-pajjiż li jixirqilna.”
//= $special ?>