Lokali

FILMAT: Simon u Kristina joffru l-ħin tagħhom lill-Caritas

Ir-residenti jkunu kuntenti meta Simon u Kristina jżuruhom, anzi jkunu qed jistennew li jerġgħu jiltaqgħu magħhom sabiex ikollhom ċans jitkellmu magħhom.

Minbarra l-ħin li jiddedika lill-ħajja politika u lill-familja tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, xorta jsib ħin x’joffri lil għaqdiet volontarji. Fil-fatt, Simon Busuttil flimkien ma’ Kristina Chetcuti jmorru joffru l-ħin tagħhom fid-dar residenzjali tal-Caritas, ma’ persuni li għandhom problema ta’ droga.

Fil-filmat mtella’ mit-tim ta’ Xarabank, Simon u Kristina jidhru jagħmlu xogħlijiet fid-dar residenzjali tal-Caritas. Filwaqt li Simon Busuttil imidd idejh fil-kċina u jgħin sabiex jiġi ppreparat l-ikel għar-residenti u l-bqija tal-ħaddiema, Kristina tgħin f’dak kollu li jkun hemm bżonn isir, kemm f’affarijiet ta’ manutenzjoni u anki għajnuna fis-sezzjoni tal-pets li jitrabbew fl-istess dar.

F’kummenti li ta lil Xarabank, il-Kap tal-Partit  Nazzjonalista qal li waħda mill-isbaħ affarijiet fil-volontarjat hu l-fatt li tibni relazzjoni mal-persuni l-oħra. Qal li din hi realtà li teżisti iżda li mhux dejjem inkunu konxji tagħha u li kulħadd jista’ jiffaċċja sfidi kbar quddiemu iżda imbagħad tinduna li kull sfida tista’ tingħeleb.

Kristina qalet li l-ħajra li tibda dan it-tip ta’ xogħol volontarjat bdiet meta għamlet intervista, bħala ġurnalista, lill-persuna li kienet tagħmel użu mid-droga u minn dakinhar baqgħet f’kuntatt ma’ rapreżentanti tal-Caritas sabiex tibda tagħti l-għajnuna tagħha.

Mill-banda l-oħra, persuni li jaħdmu qrib tal-persuni li għandhom problema ta’ droga qalu li r-residenti jkunu kuntenti meta Simon u Kristina jżuruhom, anzi jkunu qed jistennew li jerġgħu jiltaqgħu magħhom sabiex ikollhom ċans jitkellmu magħhom.

Din l-inizjattiva hi parti minn sensiela ta’ inizjattivi b’relazzjoni mal-kampanja ‘Noffri’ fejn kull persuna li hi interessata toffri l-ħin tagħha tista’ tagħmel dan permezz tal-website noffri.com. 

Il-website noffri.com fejn fiha tista’ tirreġistra sabiex tagħti ħin volontarjat