Elezzjoni 2017 Lokali

“Forza Nazzjonali stabbli u tista’ twettaq ferm aktar minn Muscat”- Marlene Farrugia

Marlene Farrugia, Kap tal-Partit Demokratiku, wieġbet għall-kritika li qiegħed jagħmel Muscat lill-Forza Nazzjonali u saħqet li din il-Forza hi stabbli u tista’ twettaq ferm u ferm aktar minn Muscat għaliex il-flus tal-korruzzjoni li qed imorru fil-bwiet tal-ftit illum, imorru fil-bwiet tan-nies.

Fid-diskors tagħha fil-mass meeting tal-Forza Nazzjonali f’Għawdex, Marlene Farrugia tat merħba lil dawk kollha li qed isegwu l-kampanja tal-Forza Nazzjonali inkluż laburisti li lesti jisimgħu u jixtarru l-kelma.

Marlene Farrugia qalet li l-istorja tgħallem li l-poplu Malti dejjem ingħaqad u qam għal min ipprova jisirqu. Il-poplu Malti u Għawdxi, ingħaqad qam u qaċċat ’il barra lil min ried ikasbru.

Apparti li bħala mexxejja tal-Partit Demokratiku u minbarra li hi wara Simon Busuttil eroj ta’ Malta u Għawdex, Marlene Farrugia qalet li qed titkellem bħala omm li taf xi tħoss wara li b’saggrifiċċji kbar tkun għallmet lil uliedha. Imbagħad tara lil uliedha jiġu ġġudikati mhux skont il-ħiliet tagħhom, imma skont il-kulur. Dawn l-affarijiet taħt il-Forza Nazjonali se jispiċċaw.

Marlene Farrugia sejħet lin-nisa Maltin u Għawdxin biex iqumu u juru li xebgħu jaraw lil uliedna ma jinstemgħux. Ma jħallux lil min jibqa’ jbigħ il-futur ta’ wliedna. “Meta rbaħna, irbaħna għaliex iġġieled kulħadd għal pajjiżna,” kompliet Marlene Farrugia.

L-għażla li trid issir nhar is-Sibt, qalet Marlene Farrugia, hi ċara ħafna. Il-poplu jrid jagħżel bejn forza nazzjonali li fl-istorja f’Għawdex bniet sptar, bniet qasam tas-saħħa li serva lill-poplu Għawdxi, u bejn sptar tal-Panama Labour. L-għażla hi bejn min bena power station u bejn min biegħha.

Il-Partit Nazzjonalista bena l-BWSC imma l-Panama Labour biegħha. Il-poplu se jagħżel bejn min ġab iċ-ċittadinanza Ewropea u l-Panama Labour li qed ibigħha.

Fakkret li gvernijiet ta’ qabel indukraw l-artijiet mentri Panama Labour qed iqassamhom ’l hemm u ’l hawn. Meta ntalbu l-kuntratti ħbewhom u meta ressquhom fil-Parlament, erba’ snin wara, ġabuhom moħbijin bl-iswed.

Marlene Farrugia indirizzat lill-kaċċaturi u nassaba u enfasizzat li huma mal-Forza Nazzjonali li jistgħu jħossuhom safe. Il-kwistjoni tal-kaċċa hi magħluqa bir-riżultat tar-referendum li sar.

Marlene Farrugia qalet li l-Partit Laburista qed jipprova jħawwad l-imħuħ u jgħid li l-Forza Nazzjonali ma tistax toffri gvern stabbli. Il-fatti juru li l-aħħar Gvern Laburista stabbli kien fl-976. Il-Gvern tal-1996 dam biss 22 xahar. Dak tal-2013 warrab sena qabel tmiem il-leġislatura.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku qalet li l-messaġġ tagħha lil-Laburisti hu li gvernijiet laburisti tal-passat għamlu ħafna ġid għall-familji u għan-nisa. Joseph Muscat qiegħed iżarma dak kollu li għamlu gvernijiet ta’ qablu.

Marlene Farrugia qalet li Joseph Muscat qed jgħid li għandu ħafna proposti. Dawn huma kollha proposti li seta’ wettaq fis-sena li kien fadallu. Imma għal kull proposta li għamel Joseph Muscat, il-Forza Nazzjonali għandha iżjed. Dawn il-proposti jistgħu jitwettqu ferm u ferm aktar għaliex il-flus tal-korruzzjoni li qed imorru fil-bwiet tal-ftit illum, ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, imorru fil-bwiet tan-nies.

Marlene Farrugia sejħet liż-żgħażagħ biex huma wkoll ikunu lesti biex fi tmiem il-ġimgħa jiċċelebraw b’entużjażmu u flimkien mal-kumplament tal-poplu jgħajtu “Jiena nagħżel Malta.”