BLOGS

Governanza u Turiżmu – Inti Ukoll Għandek Sehem

Julian Christopher Zarb

Julian Zarb – Assistant Lecturer UOM, Riċerkatur u Konsulent tal-Ippjanar Lokali tat-Turiżmu

L-Industrija tat-turiżmu mhiex biss industrija soċjo-ekonomika li wieħed jista’ jqies biss b’kejl kwantitativ imma hi ukoll attivita soċjo-kulturali fejn il-kejl aktar iqies dak li jikkonċerna lin-nies, lil kommunita li l-aktar hija affetwata b’din l-attivita.  Dan il kejl jikkonċerna aspetti ta’ impjieg dirett u indirett, il-parteċipazzjoni tan-nies fl-ippjanar, it-tibdil fil-kwalita ta’ ħajja li jgawdu l-istess kommunitajiet minħabba t-turiżmu.  Irridu niftakru li t-turiżmu, illum, ma għadiex titqies biss bħalha attivita’ li tikkonċerna dawk il-ħaddiema fis-setturi bħal dak tal-lukandi, l-aġenziji tal-ivjaġġar u l-operturi tal-ivjaġġar biss.  Illum kulħadd jaf li t-turiżmu jaffetwah b’mod soċjali, kulturali kif ukoll ekonomikament  imma mhux kulħadd japprezza il-fatt li għandhom sehem fl-ipjanar u l-proċess ta’ din l-attivita.  Il-problema hawn hi li donnu ma nistgħux nifhmu li lkoll għandna nużaw il-vuċi tagħna sabiex infasslu l-pjan għat-turiżmu flimkien.  Jekk wieħed jieħu żewġ eżempji , pjutost reċenti, hawnhekk, għandna il-pjan għat-turiżmu li sar għas-snin 2015 u 2019 (għad li din kienet diġa saret fl-2012 mill-Gvern preċedenti) fejn il-perjodu għal-konsulenza kienet limitata.  Kemm hawn minnkhom li verament kien jaf b’din il-konsulenza u li semmew leħinhom?  It-tieni eżempju  jikkonċerna l-każ tal-Air Malta.  Kemm qed ikunu kkonsultati sew il-ħaddiema ta’ din il-kumpanija fit-tfassil ta’ pjan sosstenibbli għal linja tal-ajru nazzjonali?

Hawnhekk naraw li l-fattur komuni jikkonċerna il-konsultazjoni vera u sħiħa.  Wieħed irid jagħmel distinzzjoni ċara bejn konsultazzjoni u laqgħa ta’ informazzjoni.  Kemm il-darba ġara li nattendu xi laqgħa ta konsultazzjoni fejn ħadd ma għandu l-opportunita li ssemma leħnu?

L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha r-rwol li timpilmenta l-politika nazzjonali għat-turiżmu imma għandna bżonn viżjoni li tmur lil hinn mill-ħames snin ta’ dawn id-dokumenti.  Biex  twettaq din il-politika l-Awtorita għandha taħdem mat-tliet stakeholders prinċipali – l-awtoritajiet, l-imsieħba fin-negozju u kif ukoll mal-kommunita nniffisha.  Biex twettaq dan ir-rwol, l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu ma għandiex tkun iżolata f’uffiċini mwarrba mill-kommunita.  Post l-Awtorita tat-Turiżmu huwa proprju, mal-kommunita, taħdem flimkien mall-kunsilli lokali sabiex inrawwmu sens ta’ għarfien għal-pjanar tat-turiżmu lokali.

Irridu nitgħallmu li ir-riċerka fit-turiżmu hi mportanti għall-iżvilupp sosstenibbli ta’ attivita inklusiva.  L-Universita, permezz tal –Istitut tall-Ivjaġġar, Turiżmu u Kultura flimkien mal-ITS u l-imsieħba kollha għandha taħdem fuq riċerka li twassal għal qafas serju ta’ pjanar li tista tiġi diskussa u mfassla flimkien mal-kommunita.

L-Ippjanar għat-turiżmu mhiex hemm sabiex il-Gvern u l-awtoritajiet jiftaħru b’xi pubblikazzjoni mżewwqa u kulurita imma għandha tfisser sodissfazzjon għal-imsieħba kollha, dak li, bl-Ingliż nsejħu , Ownership.  Dan jfisser li lkoll kemm aħna nassoċjaw ruħna ma’ dak il-pjan.  Jekk aħna verament ngħożżu lil pajjiżna, lil Malta, mela huwa d-DMIR tagħna lil niehdu interess u nipparteċipaw fl-ippjanar li għandu jwassal għal kwalita ta’ ħajja aħjar.

Irridu nassiguraw li aħna ma nibqgħux biss spettaturi f’kull attivita tat-turiżmu, imma nkunu ukoll parteċipanti.

Biex nagħlaq din l-ewwel minn sensiela ta’ kitbiet dwar l-ipjanar sostennibbli u inklussiv għat-turiżmu, nawgura li fid-deċizjoni li ser tittiehed nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju jkollna Gvern li jixraq lil dan il-pajjiż, Gvern li jifhem li l-pjanar m’għandux isir minnu biss imma flimkien mal-imsieħba kollha nkluż dak tal-kommunita’ lokali.