#muscatgate Lokali

“Hemm bżonn li l-Gvern li jmiss jagħti reputazzjoni tajba lil Malta” – Investitur Ġermaniż

Kumpanija ta' investitur Ġermaniż f'Malta, b'valur ta' madwar €550 miljun, ma titħalliex tiftaħ kont bankarju fil-Ġermanja

Investitur ewlieni Ġermaniż li tliet snin ilu ġab il-kumpanija internazzjonali tiegħu f’Malta, sostna li hemm bżonn ta’ eżerċizzju urġenti biex jaraw xi hsara sofriet r-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju, u kif tista’ terga’ tikseb lura ir-reputazzjoni tajba.

F’kumment lil The Times of Malta, Sven von der Heyden, il-fundatur tal-grupp finanzjarju b’valur ta’ €550 miljun – qal li hu ġie Malta fl-2013 u f’dawn is-snin marru tajjeb, iżda issa jinsabu mħassba sew għaliex diġa qed iħossu l-impatt fuq l-ekonomija minħabba li r-reputazzjoni ta’ Malta ġiet imtappna sew.

L-istess von der Heyden qal li hu qatt ma stenna li l-kumpaniji tiegħu se jesperjenzaw dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu, meta bank Ġermaniż ta’ reputazzjoni għolja irrifjuta li jiftaħ kont bankarju għall-kumpanija, b’valur ta’ €25 miljun f’bonds fuq il-borża ta’ Malta. Meta l-kumpanija Ġermaniża staqsiet għalfejn, il-bank qal għax il-kumpanija hi rreġistrata f’Malta.

Dan il-bank Ġermaniż li rrifjuta jiftaħ kont bankarju kien ilu 20 sena jaħdem ma’ din il-kumpanija miljunarja f’Malta.

L-investitur Ġermaniż qal li l-Gvern ġdid irid jagħti prijorita’ li jerġa’ jtejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi barranin – partikolarment minħabbba li l-ħsara li saret u l-kunfidenzja fir-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji Maltin iridu jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun.

Il-fundatur ta’ Von der Heyden Group għamel referenza għan-numru kbir ta’ allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Malta, fosthom tal-Ministru Ġermaniż, investitur kompla jistqarr li Malta ma hijiex il-Panama tal-Ewropa, iżda qal li hemm sinjali ċari li l-ekonomija Maltija tista’ tgħaddi minn problemi serji jekk mhux se ttejjeb r-reputazzjoni tagħha.