Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Komunista, Kim Jong-un, hu rappurtat li mexxa l-provi ta’ missila ballistika ġdida li hi kontrollata b’sistema ta’ preċiżjoni avvanzata. Dan filwaqt li hu ħareġ id-direttivi għall-iżvilupp ta’ armi strateġiċi aktar qawwija.
Il-prova – jew test-fire – tal-missila saret f’lokalità tal-pajjiż li ma kenitx identifikata. Is-superviżjoni tagħha, intant, issemmiet bħala ‘inizjattiva personali’ tal-President Kim, bħala l-Kmandant Suprem tal-Armata tal-Poplu (Korean) Komunista.
Il-missila inkwistjoni qed titqabbel ma’ versjonijiet preċedenti ta’ rokits tat-tip Hwasong – li hu l-isem li l-Korea ta’ Fuq qed tagħti lill-missili tagħha tat-tip Scud.
Intant, l-aħħar prova indikat li l-Korea Komunista, illum, qed twettaq il-provi b’missila tal-klassi Scud modifikata, b’dan anki jissostanzja rapporti ta’ dan it-tip mill-Korea t’Isfel li qed issegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi.
Il-missila partikulari, sigħat ilu, niżlet fil-baħar ’il hinn mill-kosta tal-Korea ta’ Fuq u meta kienet l-aħħar waħda suġġetta għal sensiela ta’ provi tipiċi ta’ missili u rokits li qegħdin isiru bi sfida għall-komunità internazzjonali – u minkejja t-theddida ta’ sanzjonijiet ġodda għall-pajjiż komunista.
Kim Jong-un, issa, qed jgħid li l-Korea ta’ Fuq għandha tiżviluppa, gradwalment, armamenti ‘jerġa’ aktar b’saħħithom’ bħala parti ‘mill-impenn ta’ difiża kontra l-Istati Uniti’.
//= $special ?>