Wara sentejn battalja għar-rikonoxximent tad-dritt tal-Pulizija sabiex jitħallew jipparteċipaw f’irkant t’oġġetti maħżuna mill-Korp tal-Pulizija, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili tat raġun lill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) li l-Pulizija m’għandhomx jiġi mċaħħda milli jipparteċipaw.
L-istorja tmur lura għall-2015, meta fi żmien il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, kien ser isir irkant ta’ oġġetti maħżuna mill-Korp, jew għax kienu jintużaw, jew inkella għax kienu maqbuda, mill-Pulizija.
Dak iż-żmien kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-Pulizija jiġu esklużi milli ma jitħallewx jipparteċipaw f’dan l-irkant, b’interpretazzjoni skorretta tar-regolament 110 tal-L.S. 174.01. L-MPA kienet minnufih waqqfet dan l-irkant permezz ta’ mandat t’inibizzjoni, li ġie segwit b’kawża.
L-oġġetti li kienu ser jiġi rkantati jinkludu mija u disgħa u għoxrin (129) vettura, dgħajjes u spare-parts, kif ukoll ftit anqas minn tmien mitt (800) arma, qabel użati mill-Korp tal-Pulizija jew fil-pussess tal-Korp u li kienu ser jinbiegħu individwalment.
F’dan l-irkant, individwu li jkun wettaq reat kriminali b’arma tan-nar kien ser ikollu l-opportunita’ li jakkwista l-istess arma tan-nar li wettaq ir-reat biha, filwaqt illi Pulizija (jew il-familjari tiegħu) li jkun ħa taħriġ jew ħadem b’arma fil-qadi ta’ dmirijietu, ma jkollux l-istess opportunita’ li huwa wkoll jakkwista tali arma, li għal bosta, jkollha anki valur sentimentali.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-MPA li l-interpretazzjoni tal-liġi mill-Kummissarju tal-Pulizija (fl-2015) u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ghall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali kienet skorretta, u għalekk ‘ma kellhom ebda raguni tajba biex izommu lill-atturi milli jippartecipaw fl-irkanti msemmija u li l-projbizzjoni mposta minn dawn il-konvenuti dwar il-partecipazzjoni tal-ufficjali pubblici fiz-zewg irkanti msemmija hija abbuziva u llegali fil-konfront tal-istess atturi’.
Din hija rebħa stortika fejn għall-ewwel darba Qorti tipronunzja dritt tal-Pulizija f’kawża miġjuba minn unjin li tirrappreżenta lill-Pulizija – l-MPA.
//= $special ?>

