Internazzjonali

Jerġa’ jiftaħ l-istazzjon ta’ Victoria wara l-attakk f’Manchester

L-istazzjon tal-ferrovija ta’ Victoria, f’Manchester, infetaħ mill-ġdid, aktar minn ġimgħa wara l-attakk terroristiku f’sit tal-kunċerti f’din il-belt Britannika li ħalla għexieren ta’ mejtin u midruba.

L-istazzjon, b’anness mal-Manchester Arena fejn isiru l-kunċerti, kien ingħalaq wara li t-terrorista, Salman Abedi, fit-22 ta’ Mejju tajjar splussivi li kellu fuqu waqt kunċert tal-kantanta Ariana Grande, fejn mietu 22 persuna, fosthom tfal. Abedi ukoll miet fl-isplużjoni u issa qegħdin joħorġu aktar filmati tal-aggressur — bil-pulizija  tappella għal informazzjoni mingħand in-nies ‘li setgħu rawh qed iġorr bagalja blu’ fil-jum tal-attakk.

Kulmin jista’ jgħin fl-investigazzjoni qed ikun mitlub jikkuntattja hotline li twaqqaf bħala parti mill-kampanja għal kontra t-terroriżmu,.

L-Uffiċjal Ewlieni tal-Pulizija ta’ Greater Manchester, Ian Hopkins, issa qal li Abedi kien magħruf ‘magħhom’ rigward ‘reati relattivament żgħar, iżda ċertament mhux għal xi ideoloġija estremista’. Ingħad li Abedi kien implikat dwar serq u talli kien aċċetta materjal misruq, bit-terrorista jkun anki involut f’każ ta’ aggrediment, fl-2012.

Intant, ħafna ħaddiema fl-istazzjon ta’ Victoria illumħ dehru viżibbilment kommossi waqt l-ewwel jum ta’ xogħol wara l-attakk faħxi. Is-Sindku ta’ Greater Manchester, Andy Burnham, u s-Segretarju tat-Trasport tar-Renju Unit, Chris Grayling, kienu fost l-ewwel li qiegħdu l-fjuri fl-istazzjon waqt il-ħin tal-ftuh.

L-investigazzjoni dwar it-terrur f’Manchester qed tkompli, bl-awtoritajiet jgħidu li Abedi qatt ma kien irreġistrat mal-programm Prevent, tal-Gvern, li jaħseb biex idawwar liż-żgħażagħ ‘il hinn mit-triq lejn ir-radikaliżmu.

Wieħed mill-aħħar filmati ( bis-CCTV) li ħarġu qed juri wkoll lit-terrorista waqt li qiegħed jixtri minn ħanut qrib tal-appartament li kien qed juża Abedi qabel l-attakk.

Il-Pulizija, sadanittant, kompliet bit-tfittxija għal persuni suspettati b’sehem fit-terroriżmu u fejn ikkonċentraw fuq zoni ta’ Manchester bħal Whalley Range u Rusholme. Intant, raġel ta’ 23 sena spiċċa arrestat f’Shoreham-by-Sea, f’West Sussex, fuq suspett ta’ reati konnessi mat-terroriżmu.

B’kollox spiċċaw arrestati 16 b’konnessjoni mal-investigazzjoni – bi tnejn jinħelsu u b’14 jibqgħu miżmuma taħt arrest.