Internazzjonali

Jirriżenja l-Kap tal-Komunikazzjonijet tal-White House

Rapporti mill-Istati Uniti qed jirreferu għal taqliba sħiħa fit-taqsima tal-komunikazzjonijiet tal-White House, fost indikazzjonijiet li l-President Amerikan Donald Trump, ‘il quddiem, se jieħu inizjattiva akbar biex iwieġeb personalment għall-mistoqsijiet mill-media.

Ir-reshuffle fis-settur tal-komunikazzjoniet tal-White House segwa rapporti dwar nuqqas ta’ organizzazzjoni fost l-istaff responsabbli. Intant, Mike Dubke, strateġista Repubblikan b’esperjenza kbira, irriżenja minn Communications Director, tliet xhur biss wara li hu tqabbad minn Trump biex isaħħaħ l-istrateġija tal-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Presidenza.

Sadanittant, Sean Smicer għandu jżomm postu bħala s-Segretarju Stampa tal-White House anki jekk, ‘il quddiem, mistennija jonqsu s-sessjonijiet li jaġġornaw lill-media bl-aħħar żviluppi.

Xi rapporti qalu li l-President Trump ma kienx kuntent bil-komunikati tal-White House, fost l-investigazzjonijiet tal-Kungress u l-FBI dwar jekk l-uffiċjali li kienu mexxewlu l-kampanja elettorali kellhomx sehem f’allegat ‘kumplott mar-Russja’ bil-għan li Trump jirbaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tar-Repubblikani.

Sadanittant, Mike Dubke ma kienx parti mill-kampanja ta’ Trump u lanqas ma kien meqjus ‘fost l-aktar elementi leali’ għall-President.