Il-poplu Malti u Għawdxi għandu ħolma u l-Partit Nazzjonalista lest li jaħdem bla heda biex dik il-ħolma titwettaq u ssir realtà.
Dan iddikjarah f’mass meeting fir-Rabat, f’Għawdex, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, li qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’Għawdex b’sens ta’ umiltà għaliex jaf li għalkemm għamel ħafna proġetti f’Għawdex, seta’ għamel iżjed għall-Għawdxin u fuq kollox jista’ jagħmel ħafna.
“Nafu li l-Għawdxin għandhom ħolma: ħolma li l-ġid ekonomiku ma jiqafx f’Malta imma jinfirex ukoll lejn Għawdex, li t-traġitt bejn Għawdex u Malta jkun biss għażla u mhux neċessità, u li l-familji Għawdxin ma jkollhomx jitilqu minn Għawdex. Dik il-ħolma għandha tkun l-ambizzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnha l-politiċi,” fisser il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Irrefera għall-programm elettorali miktub mill-Għawdxin għall-Għawdxin, mill-Għawdxin għall-gżira ta’ Għawdex, li sejjaħ bħala ċ-ċavetta għal Għawdex b’mitt proposta speċifikament iffukati fuq il-gżira Għawdxija.
Mario de Marco tkellem dwar il-ħolma li Għawdex isir reġjun, biex fuq kollox joffri futur għal Għawdex u l-Għawdxin. Fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi n-negozjanti Għawdxin jiġu megħjuna, biex jingħataw opportunitajiet għaż-żgħażagħ Għawdxin, u bħalma l-Maltin għandhom sptar pubbliku, l-istess għandu jsir għall-Għawdxin.
Dwar il-gvern ta’ Muscat, Mario de Marco qal li Joseph Muscat kiser il-wegħdiet li għamel lill-Għawdxin għax il-klikka ta’ Kastilja kienet imħabbta tiftaħ il-kumpaniji fil-Panama, ibiegħu l-isptarijiet ta’ pajjiżna u jieħdu l-commissions fl-istess waqt li l-mexxej Laburista jiddikjara li għandu l-esperjenza biex imexxi għal ħames snin oħra.
“L-esperjenza għandna aħna, u hu bl-esperjenza li għandna li mit-3 ta’ Ġunju li jmiss se mmexxu lil pajjiżna. Muscat kellu l-opportunità li jmexxi lil pajjiżna, imma minflok tefgħu lura billi żarma l-istituzzjonijiet tagħna, farrak il-Korp tal-Pulizija, żeblah isem pajjiżna u injora lil min tellgħu fil-poter billi mexxa b’koalizzjoni ta’ korruzzjoni,” stqarr Mario de Marco.
Fid-dawl ta’ dan iddeskriva l-votazzjoni tas-Sibt li ġej bħala waħda importanti ħafna. “Is-Sibt irridu nuru x’valuri nsarrfu bħala poplu u bħala pajjiż. Is-soluzzjoni tal-problemi li ħoloq il-Gvern ta’ Muscat, trid tibda minnha u mill-vot tagħna,” iddikjara Mario de Marco.
Hu stqarr il-fiduċja tiegħu li l-poplu, bħal dejjem se jagħmel l-għażla, l-għażla li jpoġġi lil Malta u Għawdex l-ewwel biex il-poplu jkollu l-pajjiż li jixraqlu.
//= $special ?>