Elezzjoni 2017 Lokali

“Messaġġ ċar li anke l-Għawdxin se jagħżlu lil Malta” – Il-Viċi Kap Beppe Fenech Adami

Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, qal f‘mass meeting f’Għawdex li bil-laqa’ li qed jagħtu l-Għawdxin qiegħed jintbagħat il-messaġġ li anke l-Għawdxin se jagħżlu lil Malta. Qed jintbagħat il-messaġġ li l-Għawdxin iridu jwarrbu l-klikka li abbandunat lill-poplu Għawdxi.

Erba’ snin ilu, Joseph Muscat  mar Għawdex iwiegħed kollox biex jisraq il-voti tal-Għawdxin. Illum l-Għawdxin jistgħu jgħidu li Joseph Muscat tradihom u daħaq bihom. Ma żammx kelmtu magħhom. L-Għawdxin se jfakkru lil Joseph Muscat fil-wegħdiet tal-Casino, tal-bini tal-qorti ġdid, tad-dar tal-anzjani, tal-yacht marina, tal-cruise liners, tal-mediċini wara l-bieb u tal-fast ferry service. Dawn huma kollha wegħdiet li Joseph Muscat ma wettaqx.

Beppe Fenech Adami qal ukoll li Joseph Muscat wiegħed li se jibda l-mina imma kulma sar kien li l-Ministru Anton Refalo fetaħ latrina. Joseph Muscat wiegħed li se jimmodernizza l-isptar imma minflok biegħu lil ħallelin biex ikunu jistgħu jittieħdu l-commissions.

Dan hu differenti minn dak li wettqu gvernijiet Nazzjonalisti f’Għawdex li għamlu fabbriki, port modern, trasforma lil Għawdex fi gżira moderna b’industriji ġodda, flotta ta’ vapuri ġodda, u postijiet tax-xogħol ġodda għall-Għawdxin.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum kburi li flimkien ma’ Simon Busuttil jista’ jgħid lill-Għawdxin, li mill-4 ta’ Ġunju b’Simon Busuttil Prim Ministru jibda jum ġdid għal Għawdex u jitla’ siparju ġdid għal Għawdex. Mhux biss ikun hemm Ministru imma jkun hemm Prim Ministru li jaf fejn irid iwassal lil Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista tgħallem mill-iżbalji tal-passat, qal Beppe Fenech Adami li talab skuża lil dawk li seta’ naqashom fil-passat. Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jekk jingħata l-fiduċja jrodd lura b’rikonoxximent biex tingħata għajnuna lill-impriżi żgħar, lill-ħaddiema f’Għawdex, jiżdiedu l-pensjonijiet u l-isptar jintradd lura lill-Għawdxin. Għawdex isir reġjun biex jikkwalifika għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex jinbidel wiċċ Għawdex.

Beppe Fenech Adami sellem lil politiċi Nazzjonalisti li servew lill-Għawdxin matul is-snin. Sellem ukoll lill-kandidati li lesti jservu lill-Għawdex. Appella biex kulħadd ikompli jaħdem u jikkonvinċi lil aktar nies.

“Pajjiżna qed isejħilna. Malta u Għawdex qegħdin f’salib it-toroq. Huma wkoll se jagħmlu l-għażla li jqumu vuċi waħda u flimkien jgħajtu “Jiena nagħżel Malta.”