Il-Pulizija Ġermaniża arrestat lil adolexxenti Sirjan fuq suspett li hu kien qed jippjana attakk suwiċida f’Berlin. Is-suspettat, li għandu 17 il-sena, kien arrestat fid-distrett ta’ Uckermark, fi Brandenburg, b’dan ikun ikkonfermat mill-Ministru għall-Intern tal-Istat, Karl Heinz Schroter.
Id-dettalji tal-allegat kumplott ma ngħatawx iżda magħruf li s-Sirjan kien daħal il-Ġermanja fl-2015 u talab li jingħata l-kenn politiku.
Ingħad li l-qawwiet speċjali Ġermaniżi arrestaw lis-Sirjan ‘wara li l-pulizija kienu rċevew informazzjoni speċifika’. Is-suspettat kien ilu mill-2016 jgħix ġo residenza għar-refuġjati minorenni li mhumiex akkumpanjati minn qraba adulti, fl-inħawi ta’ Uckermark. Hu qatt qabel ma kien attira l-attenzjoni tal-Pulizija.
L-aħħar rapport qalu li l-adolexxenti jinsab għaddej minn interrogazzjoni intensiva, bil-Pulizija ta’ Brandenburg issostni li r-residenza għar-refuġjati inkwistjoni qed tkun suġġett għal tfittxija mill-membri tal-Uffiċċju tal-Istat għall-Investigazzjoni ta’ Reati.
//= $special ?>