Elezzjoni 2017 Lokali

Taħt Gvern Nazzjonalista: L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jgħaddi għand il-poplu u l-ħaddiema kollha jżommu xogħolhom

Fis-6:30PM tal-lejla se jsir mass meeting mill-Partit Nazzjonalista f'Għawdex stess.

Il-ħaddiema kollha se jżommu xogħolhom u ma jibqgħux jaħdmu mill-kontejners

Gvern ġdid immexxi minn Simon Busuttil iwiegħed li l-Isptar Ġenerali Għawdxi, mill-ewwel ġurnata fil-ħatra ta’ Kabinett ġdid, jittieħed mingħand il-privat u jgħaddi lura għand il-poplu.

B’din l-azzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi jiffranka l-miljuni li l-kumpanija privata qed tingħata kull sena. “Joseph Muscat tradixxa lill-Għawdxin,” iddikjara Simon Busuttil, “ għaliex minn wara dahar il-poplu għadda l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil kumpanija li ħadd ma jaf min hemm warajha,” iddikjara Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Apparti minn hekk, immedjatament jiġu ppubblikati wkoll il-kuntratti kollha ffirmati minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri ma’ Vitals Global Healthcare (VGH) għall-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u Karen Grech, inkluż il-partijiet li l-Gvern ippubblika bid-dettalji mgħottija.

Dawn il-kuntratti jiġu nvestigati kif suppost, għaliex il-fatti u provi ppubblikati fl-aħħar ġimgħat juru li f’kull kuntratt iffirmat minn Konrad Mizzi u Keith Schembri hemm suspett.

Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jibda wkoll proċess ta’ manutenzjoni u rinovar biex dan jgħaddi għand il-poplu Għawdxi bħala sptar modernizzat. Dan isir minn fondi tal-Unjoni Ewropea kif sar fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija u ċ-Ċentru għas-Saħħa mentali li se jinbena minn Gvern Nazzjonali.

Fl-istess waqt, l-impjegati kollha tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jingħataw garanzija li se jżommu xogħolhom. Dan jgħodd ukoll għall-impjegati li kienu jaħdmu mal-Gvern, u issa marru mal-VGH.

Impenn deċiżiv għal Għawdex f’numru ta’ setturi

Intant, fil-programm elettorali, Gvern Nazzjonalista jara wkoll fiex wasal l-istudju ġeoloġiku dwar il-mina bejn Malta u Għawdex. Dan jitlesta mill-iktar fis possibbli biex toħroġ sejħa għall-offerti u x-xogħol ikun jista’ jibda mmedjatament.

Din hi waħda mill-prioritajiet tal-Partit Nazzjonalista għall-poplu Għawdxi. Impenn ukoll li Għawdex ikun dikjarat bħala gżira reġjun, jitwaqqaf kunsill reġjonali għal Għawdex biex iktar poteri jiġu deċentralizzati u l-istess Kunsill iżomm skrutinju kontinwu fuq dak li jkun qed isir mill-Ministeru għal Għawdex.

Waqt li Gvern Laburista abbanduna l-infrastruttura f’Għawdex, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti mbuttatura b’saħħitha b’mod speċjali lit-toroq arterjali u residenzjali.

Dan billi fost l-oħrajn f’ħames snin iridu jinbnew erba’ toroq arterjali li jwasslu għar-Rabat – minn Marsalforn, miż-Żebbuġ, mix-Xagħra u min-Nadur għar-Rabat. Proġett li jitlob investiment ta’ €60 miljun b’għajnuna mill-Unjoni Ewropea. Dan minbarra li kull sena, in-nefqa fit-toroq ta’ Għawdex titla’ bi €3 miljun.

Proposta oħra hi li l-investiment fil-familji u negozji Għawdxin ikun importanti biex il-popolazzjoni ta’ Għawdex ma tibqax tonqos mas-snin. “Għawdex qed jirriskja sitwazzjoni li l-gżira tiġi biss dar tal-anzjani. Iż-żgħażagħ u l-familji rriduhom jgħixu hawn, b’inċentivi bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll fuq kull min jixtri propjetà f’Għawdex, iż-żgħażagħ li jibnu familja f’Għawdex jingħataw għotja finanzjarja ta’ €10,000 u u eżenzjoni mill-income tax sa massimu ta’ €200,000 fuq medda ta’ tliet snin għan-negozji ġodda li jiftħu f’Għawdex.

Solidarjetà sħiħa ma’ Winston J. Zahra

Indirizza wkoll l-attakki li saru fl-aħħar sigħat min-negozjant Winston J. Zahra, li fl-aħħar jiem iddikjara li se jivvota favur il-Forza Nazzjonali quddiem il-kriżi ta’ korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar snin.

L-attakki fuq Zahra mhux biss saru fuq il-midja soċjali, fejn saħansitra rrimarka li rċieva theddid, imma wkoll bi storja fuq il-ġurnal L-Orizzont li kienet imgiddba mmedjatament mill-istess Winston Zahra.

Simon Busuttil mhux biss ikkundanna dawn l-attakki u wera solidarjetà sħiħa ma’ Winston Zahra, imma rrimarka wkoll l-ipokrezija tal-istess Partit Laburista li akkwista l-poter bis-slogan ‘tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna.’#

Dan hu biss l-iktar każ riċenti fejn il-Partit Laburista wettaq xi ħaġa, imma wettaq xi ħaġa li hi totalment l-oppost.

Fis-6:30PM tal-lejla se jsir mass meeting mill-Partit Nazzjonalista f’Għawdex stess.