Futbol Sport

Valverde se jmexxi lil Barcelona

Ernesto Valverde se jibda jmexxi lil Barcelona mill-istaġun li ġej wara li ffirma kuntratt ta’ sentejn mal-Katalani. Hu se jkun qed jieħu post Luis Enrique wara li dan tal-aħħar, ftit ġimgħat ilu kien żvela li mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim.

Valverde ħalla lil Athletic Bilbao u lbieraħ kien ippreżentat lill-midja. Għal Valverde dan se jkun ritorn ma’ Barcelona wara li kien lagħab mat-tim bejn l-1988 u l-1990. Hu beda karriera ta’ kowċing fl-2002 meta beda jmexxi lit-tim B ta’ Athletic Bilbao u staġun wara beda jmexxi lit-tim tal-kbar. Hu mexxa diversi timijiet oħra fosthom Espanyol, Olympiacos, Villarreal u Valencia qabel ma fl-2013, eventwalment, reġa’ rritorna ma’ Athletic Bilbao.

Ta’ min jiftakar li fl-2015 f’waħda mill-aktar partiti memorabbli Bilbao kienu għelbu lil Barcelona bi skor ta’ 4-0 fil-finali tas-Super Cup Spanjola biex kienu rebħulhom b’aggregate ta’ 5-1.

Valverde se jkollu biċċa xogħol biex jgħin lil Barcelona jerġgħu jirritornaw għar-rebħ wara li dan l-istaġun naqqsu milli jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League.