- Kien fil-mira ta’ diversi attakki minn mindu ddikjara li Malta għandha bżonn bidla
“Storja malafamanti intiża biex tintimidani”. Sostna dan l-imprenditur Winston Zahra hekk kif safa fil-mira tal-ġurnal l-Orizzont, wara li ftit tal-jiem ilu hu kien iddikjara li hu se jivvota għal bidla.
F’post fuq Facebook, Zahra qal li dan l-artiklu segwa diversi attakki u messaġġi ta’ theddid li ntbagħtu lilu minn diversi profiles foloz li jidher li nħolqu apposta biex jagħmlu dan.
“Dan hu dak li jiġri meta wieħed jesprimi opinjoni f’pajjiż progressiv?”, staqsa Winston Zahra, “in-nies onesti ta’ kull kulur politiku, jaqblu ma’ dan it-tip ta’ aġir.”
Winston Zahra ikkonferma li kien ressaq applikazzjoni biex razzett tat-tiġieġ abbandunat ibiddlu f’residenza u l-applikazzjonijiet qatt ma kienu moħbija. Imma fl-ebda ħin ma għamel pressjoni fuq politiku jew uffiċjal tal-Gvern biex jinħariġlu permess.
Winston Zahra kompla li m’għandu x’jaqsam xejn li l-permess kien miċħud. Hu sostna li kien ilu jaf li l-permess ma kienx se joħroġ.
“Il-ġimgħa l-oħra tkellimt għaliex dak hu t-twemmin tiegħi, li ġie msawwar minn dak li ġejt mgħallem u li għadni nitgħallem mid-dinja tal-kummerċ”, sostna Zahra, “u kien l-istess twemmin li kien wassalni biex fil-passat nitkellem pubblikament ma’ amministrazzjonijiet preċedenti.”
Hu tenna li ebda forma ta’ intimidazzjoni m’hu se twaqqfu milli jesprimi l-opinjoni tiegħu. Il-ġimgħa li għaddiet, Winston Zahra iddikjara li hu u l-familja tiegħu se jivvutaw favur bidla għaliex irid gżira “li mhux tagħlaq għajn waħda jew tnejn għal dak li hu sfaċċatment ħażin”.
//= $special ?>