#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Il-kelma tiegħi hija r-rabta tiegħi” – Simon Busuttil

Messaġġ lill-poplu ta' tama għall-pajjiż mill-Kap tal-PN Simon Busuttil fl-aħħar dibattitu qabel l-elezzjoni ġenerali

“Il-kelma tiegħi hija r-rabta tiegħi” iddikkjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-aħħar dibattitu ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali ma’ Joseph Muscat.

“Jiena m’għandi xejn jekk mhux il-kelma tiegħi. F’kull ħaġa li jien għamilt kemm ili fil-politika dejjem fittixt li nżomm kelmti. Il-kelma tiegħi hija r-rabta tiegħi,” qal Simon Busuttil.

Għad-dibattitu, Simon Busuttil ħa miegħu il-provi tal-korruzzjoni, saħansitra erba’ rapporti tal-FIAU.

“Il-Prim Ministru darba qal, ‘Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, huwa korrott’. Prim Ministru, int ma ġġilidtx il-korruzzjoni,” żied jgħidlu.

Saħansitra mhux biss investigazzjoni kriminali fuq Keith Schembri, imma anke fuq il-Prim Ministru. Minħabba ‘Egrant’, li Muscat saħansitra qal li vvintawha r-Russi.

“U jiena m’għandix dubju li bħal ma qegħdin hemm is-suspetti, anke meta tqis li hemm xhud li rat b’għajejha illi wkoll riedu jkissruha, allura l-Maġistrat se jsib ukoll fil-konfront tal-Prim Ministru, se jsib ukoll li l-Prim Ministru għandhom jittieħdu passi kontrih,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

B’Simon Busuttil jgħid li quddiem dan kollu, Muscat baqa’ b’għajnejh magħluqin.

“Iddeċiedu, waħidkom, fil-ġudizzju tagħkom. Min għamel il-ħsara, min iġġieled u kixef il-korruzzjoni? Jew min għamilha u għalaq għajnejh għaliha? U jekk twieġbu dik il-mistoqsija, għandkom twieġbu l-mistoqsija l-oħra: Min jista’ jnaddaf isem pajjiżna? Minn ħammġu isem pajjiżna? Jew inkella jiena, li qed niġġieled kontra l-korruzzjoni għaliex ma niflaħx aktar li isem pajjiżna jitħammeġ b’dan il-mod?” qal Simon Busuttil, f’indirizz lill-poplu.

Imma fuq kollox din hija elezzjoni fejn l-għażla hija ċara. Bejn il-passat tal-korruzzjoni, u l-futur tal-onestà.

“Il-Prim Ministru, erba’ snin ilu, ġie hawnekk u kien il-futur. Illum, Joseph Muscat huwa l-passat. Passat ta’ erba’ snin illi kienu jikkonsistu fi skandlu wieħed wara l-ieħor. Ma nifilħux hekk, għax aħna bħala pajjiż ma nistgħux u ma jixirqilniex f’din is-sitwazzjoni. Għalhekk jien qiegħed inwiegħed politika onesta bħala pedament ta’ Gvern immexxi minni,” iddikjara Simon Busuttil.

Waqt id-dibattitu, Joseph Muscat irrepeta għal darba tnejn li l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern kienu sempliċiment żbalji, b’Simon Busuttil jgħid li l-korruzzjoni f’Kastilja ma kienux żbalji, iżda pjani maħduma u intenzjonati.

Fuq kollox, spikka l-messaġġ ta’ tama minn Simon Busuttil biex pajjiżna jikteb paġna ġdida fl-istorja.

“Wasal iż-żmien li ndawru l-folja, u flimkien ikolna l-kuraġġ u d-determinazzjoni li niktbu paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna. Paġna li fiha ndawru dan il-kapitlu li ħadd ma kien jistenna, l-anqas jien, li se jiġri. Imma hawn qegħdin. U jeħtieġ li nhar is-Sibt, nagħmlu dan il-pass flimkien,” qal Simon Busuttil.

“Jien qiegħed noffri tama, paġna ġdida. Ejja niktbu paġna ġdida f’pajjiżna biex nuru li bħala poplu, rajna x’ġara, fhimna x’ġara, u kapaċi niġġudikaw ukoll x’ġara,” temm jgħid.

Simon Busuttil fi tmiem id-dibattitu (Ritratt: Martin Agius)