#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: NET News mhux mistieden għal attività tal-Prim Ministru; Immorru nistaqsu xorta

NET News jilmenta b'mod uffiċjali mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu xejn x’jgħid meta ffaċċjat b’mistoqsijiet dwar il-possibiltà ta’ tixħim mill-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals.

NET News prova jieħu l-kummenti tal-Prim Ministru fi tmiem żjara f’fabbrika f’Ħal Far, attività li għaliha, NET News ma kienx mistieden.

Għalkemm NET News ma rċeviex l-istedina għall-media, għall-istess attività ġew mistiedna l-kmamar tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista u l-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Jirriżulta li anke The Malta Independent tħallew barra mill-attività. Madanakollu, NET News sar jaf biż-żjara u tfaċċa għall-attività xorta waħda.

Fi tmiem l-attività, NET News staqsa lill-Prim Ministru jekk jiċħadx li hemm possibiltà li kien hemm tixħim mill-bejgħ tal-isptarijiet, bil-Prim Ministru jibqa’ ħiereġ sparat mill-fabbrika lejn il-karozza tiegħu.

Dan wara li filgħodu sar magħruf li Asad Shukat Ali, li Vitals Global Healthcare Ltd. qabditu kemm-il darba bħala konsulent tagħha, irċieva għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’kont f’Pilatus Bank.

Il-kuntratti tal-bejgħ tal-isptar t’Għawdex, l-isptar San Luqa u l-isptar Karen Grech kienu nnegozjati mill-Ministru Konrad Mizzi.

NET News jilmenta mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

Dwar dan il-każ, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ NET News Fabian Demicoli bagħat ilment uffiċjali liċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright, li fih esprima dispjaċir għall-fatt li l-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications ma kinitx mistiedna għaż-żjara tal-Prim Ministru f’din il-fabbrika f’Ħal Far, bħal ma kienu mistiedna kmamar oħra tal-aħbarijiet.

Din mhux l-ewwel darba li Joseph Muscat prova jaħrab mill-media. Il-Prim Ministru rrifjuta stediniet għal intervisti ma’ The Times, The Malta Independent u LovinMalta.