Matul l-aħħar attivita Taħt it-Tinda organizzata f’San Ġwann tkellmu l-kandidati tal-Forza Nazzjonali fuq id-Disa’ Distrett.
Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Alan Abela Wadge, Mark Azzopardi, Roselyn Borg Knight u Charles Selvaggi u l-kandidat tal-Partit Demokratiku Duncan Bonnici tkellmu dwar l-għażla li għandu quddiemu l-poplu Malti politika onestà li tnaddaf lil pajjiżna mill-iskandli tal-korruzzjoni li qed jheddu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Karl Gouder qal li l-għażla għandha tkun għal politiċi onesti li jagħmlu l-ġid u li jerġgħu jibdlu lil pajjiżna f’pajjiż normali. George Pullicino qal li huwa Simon Busuttil biss li jista’ jagħti lura n-normalità u t-trakwillità lil dan il-pajjiż. Francis Zammit Dimech qal li Simon Busuttil jagħti lura lil pajjiżna r-rispett li jixraqlu.
Il-kandidata Kristy Debono saħqet li l-poplu jrid iwieġeb għas-sejħa li qed jagħmillu l-pajjiż kif għamel meta kien imsejjaħ jagħmel għażliet oħrajn li ddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna.
Il-kandidat tal-Partit Demokratiku Timothy Alden tkellem dwar kif vot għall-koalizzjoni tal-Forza Nazzjonali jista’ jassigura futur aħjar għal pajjiżna.
Il-proposti mressqa mill-Forza Nazzjonali kienu fil-qofol tad-diskors ta’ Robert Arrigo li spjega kif dawn il-proposti tfasslu wara diskussjoni ma’ numru ta’ msieħba differenti. Marthese Portelli tkellmet dwar il-proposti tal-Forza Nazzjonali fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent u t-trasport. Il-kandidat Hermann Farrugia ffoka fuq il-proposti tal-Forza Nazzjonali fil-qasam tas-saħħa.
Il-politika ta’ servizz kienet fiċ-ċentru tad-diskorsi tal-kandiati Albert Buttigieg u Justin Fenech li tkellmu dwar din il-politika ta’ servizz b’kuntrast mal-politika ta’ Gvern Laburista fejn qed igawdu l-ftit.
Ivan Bartolo ffoka fuq il-pjattaforma Ideat u qal li din tixhed il-politika Nazzjonalista li jagħti vuċi lill-poplu u jisimgħu.
Wayne Hewitt fakkar li s-suċċess fl-ekonomija llum għandu l-pedamenti tiegħu f’ħidma ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-kandidati Graziella Attard Previ u Noel Muscat fakkru f’numru ta’ problemi marbuta ma’ dan id-distrett li ma ġewx indirizzati mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.
//= $special ?>