“Il-Forza Nazzjonali hija ħafna aħjar mil-Labour tal-lum. U sakemm Joseph Muscat ikun Prim Ministru, ‘Malta Tagħna Lkoll’ se tibqa’ mejta”.
Dikjarazzjoni qawwija mill-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ LovinMalta Chris Perigin f’opinjoni li ppubblika u li fiha qajjem dubju dwar kemm pajjiżna jista’ jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba jekk Joseph Muscat jerġa’ jkun elett.
Peregin spjega li fl-2013, hu vvota lill-Partit Laburista għax kien emmen fil-viżjoni tal-Partit Laburista, iżda minkejja r-riżultati li nkisbu f’dawn l-erba’ snin, fl-aħħar ġimgħat ġraw ħafna affarijiet serji, u li wieħed ma jistax jinjorahom.
“Fl-aħħar ġimgħat inbidlu wisq l-affarijiet biex nibqa’ b’ħalqi magħluq nippretendi li kollox normali” kiteb Peregin, waqt li nnota li l-viżjoni ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ inkixfet bħala skuża biex jinsteraq il-pajjiż.
“L-implikazzjoni hi li grupp ta’ ħbieb ingħaqdu flimkien sempliċiment biex jieħdu kontroll ta’ partit politiku, jirbħu l-elezzjoni u jiftħu strutturi offshore biex jiffaċilitaw it-tixħim, il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus,” innota Peregin.
Filwaqt li fakkar fl-iskandli ta’ korruzzjoni li ħakmu lill-Gvern fl-aħħar ġimgħat, il-Kap Eżekuttiv ta’ LovinMalta nnota li issa hemm anke rapporti tal-FIAU li jkomplu jivverifikaw dak kollu li ntqal.
Chris Peregin żied li bid-deċiżjoni li ma jieħux passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, Joseph Muscat poġġa l-pilastri ewlenin tal-ekonomija f’periklu, apparti li llum tilef kull kreddibiltà biex jiddefendi l-ekonomija.
Intant, fuq Facebook, Chris Peregin qal li ma kienx faċli għalih li jikteb dan l-artiklu, iżda ħass l-obbligu li jagħmel dan.
https://www.facebook.com/peregin/posts/10158749286735203?pnref=story.unseen-section
//= $special ?>