Elezzjoni 2017 Lokali

Il-Parlament Ewropew igiddeb lil Joseph Muscat

Tisfa’ fix-xejn gidba oħra ta’ Joseph Muscat

Ftit ġimghat biss wara li Joseph Muscat għamel allegazzjonijiet foloz fuq il-kirja tal-uffiċċji minn Membri Parlamentari Ewropej,  il-Parlament Ewropew illum ikkonferma li Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jikru uffiċċji minn partiti politiċi nazzjonali.

Din il-konferma ġġib fix-xejn gidba oħra li Joseph Muscat qal fil-bidu tal-kampanja. L-istqarrija tal-PN tgħid li Muscat kien jaf li qed jigdeb u kompla jigdeb intenzjonalment biex iqarraq bil-poplu Malti.

Meta kienet qed titkellem mal-istampa internazzjonali, il-kelliema tal-Parlament Ewropew Marjory van den Broeke qalet li Membru Parlamentari Ewropew jista’ jikri uffiċċju minn partit politiku sakemm ikunu rispettati ċertu kundizzjonijiet u sakemm il-kirja tkun skont il-prezz tas-suq sabiex jiġi evitat finanzjar indirett tal-partit politiku nazzjonali.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li l-Membri Parlamentari Ewropej jikru l-uffiċċji tagħhom minn Media.Link bi prezz tas-suq u b’rispett sħiħ tal-kundizzjonijiet mressqa mill-Parlament Ewropew. L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista dejjem ippubblikaw il-kontijiet awditjati tagħhom kull sena u dawn dejjem ġew iċċertifikati li huma konformi mar-regoli tal-Parlament Ewropew.

Il-Kap tad-Delegazzjoni David Casa qal li din l-istqarrija tal-Parlament Ewropew tkompli tikkonferma kemm u fejn kapaċi jasal Joseph Muscat biex iqarraq bil-votanti.

David Casa qal li huwa kuntent li l-verità kollha ħarġet qabel l-elezzjoni biex il-votanti jkunu jistgħu jiżnu l-fatti qabel ma jagħmlu l-għażla tagħhom dwar min se jmexxi lil dan il-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin. Minkejja din l-istqarrija li tgħid bl-aktar mod ċar fejn hi l-verità, David Casa qal li Muscat ma tantx se jammetti malajr li żbalja u l-poplu se jibqa’ jistenna għall-apoloġija tiegħu.

Intant, ittemm tgħid l-istqarrija, Muscat għadu ma weġibx dwar għalfejn meta kien Membru Parlamentari huwa stess, b’allowance ta’ 20,000 ewro fix-xahar, impjega biss persuna waħda.