Studenti tas-sewqan, għalliema ta’ sewqan u ħaddiema qrib Transport Malta fl-aħħar jiem għamlu kuntatt ma’ dan il-ġurnal jilmentaw dwar is-sitwazzjoni f’Transport Malta b’mod partikolari fejn jidħlu it-testijiet tas-sewqan.
Żgħazagħ ta’ tmintax-il sena aċċana li jġibu l-liċenzja tkellmu magħna li ilhom jistennew ix-xhur, biex jissejħu se jitilgħu għat-test. Dan kollu kien ikkonfermat minn ħaddiema ta’ Transport Malta li qalulna kif dak li qed jilmentaw minnu l-istudenti tas-sewqan hu minnu u li hemm ‘instructors’ li qed ikunu aġevolati fuq oħrajn.
Dan qed iwassal biex ċertu skejjel tas-sewqan qed jiksbu l-popolarità li jekk tmur magħhom tinqeda iktar malajr filwaqt li skejjel oħrajn qed ibatu minn diskriminazzjoni.
Ilment ieħor li waslilna kien dak li għall-eżami tas-sewqa qed ikun hemm iktar minn eżaminatur wieħed bil-konsegwenza li qed tinħoloq pressjoni żejda fuq l-istudent. Dan qed isir biex jingħata taħriġ lil eżaminaturi ġodda li qed iwassal iżda biex itellef lill-istudenti u anke qed itellef ix-xogħol lill-‘instructors’.
Ħaddiema oħrajn li tkellmu ma dan il-ġurnal qalulna li fil-binja l-ġdida fejn hemm id-dipartiment tal-liċenzji hemm nuqqas ta’ kumdità imma anke perikli. Dan minħabba li din il-binja tinsab qrib triq arterjali u ħafna qed jaqsmu minn dan il-post. Xi ħaġa li qed toħloq inkwiet partikolari hu l-fatt li ntfew il-Pellican Lights u dan qed iwassal biex ħafna nies qed jaqsmu waqt li jkunu għaddejin il-karrozzi.
Dan kollu qed iħasseb lill-ħaddiema ta’ Transport Malta li minkejja l-ilmenti li għamlu mal-management ta’ Transport Malta, kull ilment qed jaqa’ fuq widnejn torox.
//= $special ?>