L-elezzjoni li ġejja hi waħda bbażata fuq il-prinċipji, valuri u moralità. Il-poplu jrid ikun veritier miegħu nnifsu u mal-pajjiż.
Jiddikjara dan l-editorjal ta’ The Times of Malta, li lejliet jum is-silenzju jitkellem dwar id-deċiżjoni importanti li għandu l-poplu quddiemu nhar is-Sibt li ġej.
L-editorjal jgħid li meta l-poplu jkun qed jivvota, waħdu, irid jiddeċiedi fuq il-kuxjenza tiegħu b’ġudizzju bbażat fuq il-verità, kuxjenza u prinċipju.
Hawn l-editorjal ifakkar kif Joseph Muscat mar għal elezzjoni bikrija u ma stenniex li tintemm l-inkjesta maġisterjali minkejja li jgħid li m’għandux minn xiex jibża’. Mhux hekk biss, anzi tefa’ pressjoni fuq il-Maġistrat.
“L-elezzjoni mhux dwar Muscat jew dwar Egrant, jew fuq il-programmi elettorali imma fuq il-governanza tajba. Il-governanza tiegħu. Hi elezzjoni dwar il-prinċipji,” jingħad fuq The Times.
Il-każi ta’ korruzzjoni poġġew f’riskju s-setturi finanzjarji, is-settur tal-gaming, dak tal-IT u s-suq tal-kiri tal-propjetà. Każi li ħarġu wara li l-Partit laburista beda jimplimenta inizjattivi li ma kinux fil-programm elettorali, bħall-bejgħ tal-passaporti, tal-isptarijiet u l-power station. Dan fl-isfond ta’ segretezza f’dawn il-kuntratti.
U minkejja dan kollu, Joseph Muscat jgħid li akkwista l-esperjenza biex imexxi l-pajjiż aħjar. Bl-editorjal tat-Times jgħid li dan ma jidhirx lu hu l-każ. “Ma jixraqlux it-tieni ċans,” ikompli l-editorjal, “għaliex ir-riskju jkun kbir wisq u l-prezz li rridu nħallsu għoli ħafna.”
Għall-kuntrarju l-pajjiż għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista biex iġib lura l-kredibbiltà qabel iseħħ xi attakk ieħor mill-kompetituri tagħna, jirrestawra l-kunfidenza tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet u jeliminaw il-mentalità korrotta li kollox jgħaddi.
Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed iwiegħed bidla – bidla għat-tajjeb b’governanza tajba, trasparenza, kontabbiltà u meritokrazija.
//= $special ?>