Elezzjoni 2017 Lokali

“Għażla bejn sistema korrotta li qed tkisser il-ġejjieni u għażla fuq il-verita’ u l-onesta'” – Beppe Fenech Adami

“Din hi elezzjoni li fiha għandna r-responsabbilta’ li fiha għandna għażla bejn sistemà korrotta li qed tkisser il-fibra morali tal-pajjiż u l-ġejjieni u għażla msejsa fuq il-valur tal-verita’ u tal-onesta’.”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li Malta ħallset prezz għoli wisq minħabba l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u sħabu. Issa ġiet l-opportunita’ biex ngħidu daqshekk għall-kriminalita’ is-serq u l-korruzzjoni.

“Mhux se nippermettu iktar commissions fuq il-bejgħ tal-passaporti, tanker tal-gass, fuq il-power station, l-isptarijiet. Daqshekk imlejtu bwietkom minn fuq il-poplu Malti. Is-Sibt nibgħatu messaġġ  li min ittradieni  ngħidulu “issa barra!” iddikjara Beppe Fenech Adami.

Qal li pajjiżna għandu responsabbilta’ kbira biex naqbdu mill-ġdid it-triq tal-verita’. Fl-aħħar tal-kampanja, Beppe Fenech Adami wassal messaġġ ta’ tama sabiex il-Ħadd li ġej jisbaħ jum aħjar u s-sewwa mil-ġdid ikun rebbieħ.

“Nemmen f’Malta tas-solidarjeta’ li tieħu ħsieb l-anzjani u dawk kollha vulnerabbli u li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Iż-żagħżagħ huma t-tama u l-enerġija tal-pajjiż u l-protagonisti tat-tfassil ta’ Malta ġdida,” kompla l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Forza Nazzjonali determinata li twassal lil dan il-pajjiż għal paġna ġdida. “Aħna għamilna dak kollu li stajna biex inservu u nsalvaw lil pajjiżna. Baqa ġurnata waħda biex inkomplu nikkonvinċu.”

Hu appella lill-indeċiżi biex is-Sibt li ġej immorru u jagħżlu lil Malta. “Din hija s-siegħa tal-Maltin u pajjiżna reġa’ għandu bżonna. Nemmen f’pajjiżi u għalhekk jien se nagħzel Malta.”