Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddeskriva lill-Forza Nazzjonali bħala l-forza tal-poplu li se jagħżel lil pajjiżna fuq it-tgawdija tal-ftit.
Waqt li kien qed jiġi ntervistat fuq Net Television, iddeskriva din il-kampanja bħala rollercoaster, bi tlugħ u nżul, ġiri sfrenat iżda wkoll sodisfazzjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar madankollu, il-messaġġ wasal għax il-Partit Nazzjonalista ma kienx qed jipprova jbella’ xi ħaġa lin-nies, iżda wassal dak li diġa kienu qed iħossu n-nies.
Tkellem fost l-oħrajn dwar il-pass kuraġġuż li jidħol f’forza nazzjonali, u b’umiltà, il-kap tal-Partit Nazzjonalista talab l-għajnuna ta’ kull min hu ta’ rieda tajba, inkluż l-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia.
“Il-Forza Nazzjonali kienet messaġġ fejn kulħadd iċedi biċċa, u kulħadd igawdi biċċa billi jagħżel Malta, għax jekk nagħżlu Malta, igawdi kulħadd,” qal Simon Busuttil.
Fisser l-elezzjoni tas-Sibt li ġej bħala elezzjoni ta’ prinċipju. Hu dan il-prinċipju li wassal biex anke persuni Laburisti jagħżlu lill-forza nazzjonali. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda ppreżenta sensiela ta’ proposti, fosthom u għalle-wwel darba żewġ programmi elettorali ffukati: wieħed dwar Għawdex u ieħor għaż-żgħażagħ.
Gvern Nazzjonalista se jkun qed jiżgura li dak li hu tajjeb jissaħħaħ, u mhux jitneħħa. Ikun dak li hu ħażin li jitneħħa, jitwarrab u jinbidel. “Jien ma ġejtx hawn biex inkun more of the same, biex nagħmel bħal amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti jew bħal Joseph Muscat, imma biex inġib bidla għall-aħjar,” iddikjara Simon Busuttil.
Fuq kollox Gvern Nazzjonalista jassigura li l-kuntratti kollha ffirmat minn Keith Schembri u Konrad Mizzi jiġu nvestigati u jkun osservat il-kors tal-liġi. “Immaġina x’jiġri jekk Joseph Muscat jerġa’ jiġi elett, u l-best friend tiegħu Keith Schembri jkollu jirriżenja, xi kriżi kostituzzjonali jkollna,” qal Simon Busuttil.
Wera’ t-tħassib tiegħu għal kemm iffangat il-klikka ta’ Kastilja, li meta ġew biex jiftħu l-kontijiet fil-Panama, iddikajraw li riedu jpoġġu mal-miljun ewro fis-sena. Qal li wara skandlu wara l-ieħor, issa nafu minn fejn kienu se jiġu dawn il-flus.
Il-kap tal-Partit Nazzjonalista mill-ġdid wiegħed ukoll li l-Air Malta trid tinżamm bħala linja nazzjonali tal-ajru, tkun kompetittiva, tirrispetta lill-ħaddiema u żżommhom magħha billi ttihom futur.
Iddikjara wkoll li hu kemm favur l-ambjent, kif ukoll favur l-iżvilupp. Dan ifisser li l-iżvilupp jikkumplimenta l-ambjent, imma mhux isir minflok l-ambjent li fadlilna u b’hekk dawn iż-żewġ oqsma jaħdmu id f’id.
Dwar l-ekonomija, Simon Busuttil fakkar li l-Partit Nazzjonalista għandu track record anke meta madwar id-dinja kien hemm kriżi internazzjonali, u Gvern Nazzjonalista jara li l-ġid jibqa’ jitkattar, jitqassam sew u mhux biss jissaħħew setturi tal-ekonomija li diġa’ jeżistu iżda wkoll jinħolqu oħrajn ġodda.
Kien hawn li Simon Busuttil għamel appell lil dawk indeċiżi biex jivvutaw skont il-kuxjenza u tenna t-tama tiegħu li l-poplu se jagħżel lil Malta.
//= $special ?>