#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Il-ġurnalisti mill-media houses kollha b’pożizzjoni ċara: Forza Nazzjonali

Għalfejn il-ġurnalisti pubblikament qalu li se jivvutaw lill-Forza Nazzjonali? Aqra hawn taħt

Il-Forza Nazzjonali mhux biss hi koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, iżda ħafna nies assoċċjaw ruħhom mal-ideal u l-iskop wara din l-għaqda. Fost dawn insibu numru kbir ta’ nies mis-soċjeta ċivili, pero pożizzjoni ċara ttieħdet mill-media houses li għażlu lil Forza Nazzjonali:

1. L-Editorjal ta’ The Times of Malta

L-elezzjoni li ġejja hi waħda bbażata fuq il-prinċipji, valuri u moralità. Il-poplu jrid ikun veritier miegħu nnifsu u mal-pajjiż.

Jiddikjara dan l-editorjal ta’ The Times of Malta, li lejliet jum is-silenzju jitkellem dwar id-deċiżjoni importanti li għandu l-poplu quddiemu nhar is-Sibt li ġej.

L-editorjal jgħid li meta l-poplu jkun qed jivvota, waħdu, irid jiddeċiedi fuq il-kuxjenza tiegħu b’ġudizzju bbażat fuq il-verità, kuxjenza u prinċipju.

Hawn l-editorjal ifakkar kif Joseph Muscat mar għal elezzjoni bikrija u ma stenniex li tintemm l-inkjesta maġisterjali minkejja li jgħid li m’għandux minn xiex jibża’. Mhux hekk biss, anzi tefa’ pressjoni fuq il-Maġistrat.

Aqra l-editorjal hawn: www.timesofmalta.com

 

2. L-Editorjal ta’ The Malta Independent

L-Editorjal ta’ The Malta Independent stqarr li minkejja huma indipendenti ma jfissirx li huma indifferenti – u ħeġġew lil kulħadd biex jivvutaw biex inneħħu l-korruzzjoni. The Malta Independent qalet li matul dawn l-erba’ xhur il-poplu kellu l-opportunita’ li janalizza u jsegwi dak kollu li hemm fil-bilanċ nhar is-Sibt li ġej.

L-Editorjal qal li l-aktar inkwiet li qiegħed fuq moħħ il-poplu Malti hu l-korruzzjoni.

The Malta Independent qalet li ż-żewġ partiti ressqu l-proposti tagħhom, iżda hemm wegħda waħda biss li verament tifred iż-żewġ partiti – dik li tneħħi għal kollox il-korruzzjoni fl-għola livelli tal-istituzzjonijiet u tal-Gvern Malti, u tnaddaf darba għal dejjem il-politika.

Aqra l-editorjal hawn: www.independent.com

 

3. Jurgen Balzan – Ġurnalist ma’ Malta Today

Il-ġurnalist tal-Malta Today Jurgen Balzan qal li minbarra l-akkużi serji ta’ korruzzjoni, din l-elezzjoni se tkun qed tibqa’ mfakkra għal qawmien ta’ nazzjonaliżmu – fis-sens li l-poplu Malti qed iqum jiddefendi lill-pajjiżu fil-mument tal-bżonn. Jurgen Balzan stqarr li qatt ma ra daqstant bnadar Maltin użati f’kampanja elettorali.

Jurgen Balzan qal li hu ddeċieda li jagħmel dak li hu qatt ma basar li se jagħmel u jivvota għall-Partit Nazzjoanlista. Il-fatt li saret alleanza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku għamilta ħafna aktar faċli għalih. Dan ifisser li hemm garanzija oħra hekk kif dawn iż-żewġ partiti, jekk ikunu eletti biex imexxu l-pajjiżna, se jkunu qegħdin jibbilanċjaw lil xulxin.

Aqra l-opinjoni tiegħu hawn: www.jurgenbalzan.wordpress.com

 

4. James Debono – Ġurnalist ma’ Malta Today

Il-ġurnalist James Debono illejla ddikjara li se jivvota lill-Forza Nazzjonali.

Fuq il-blog tiegħu, James Debono iddikjara li hu se jagħti l-ewwel preferenza tiegħu lill-Partit Demokratiku li se jkun fil-lista tal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li qed jiddikjara dan sabiex ikun taħt l-iskrutinju ta’ dawk li se jiġġudikaw id-deċiżjonijiet tiegħu issa u fil-futur.

Hu sosta li sa mill-1996 hu dejjem iddikjara lil min kien se jivvota, u qed jagħmel l-istess din id-darba, f’elezzjoni tant importanti.

Aqra l-opinjoni tiegħu hawn: www.jamesdebono.blogspot.com.mt

 

5. Tim Diacono – Ġurnalist ma’ Malta Today

Il-ġurnalist Tim Diacono qal li l-vot tiegħu se jkun ibbażat fuq il-korruzzjoni li fniet il-Gvern Laburista. Tim Diacono stqarr li hemm il-ħmieġ mifrux fuq dawn l-iskandli u li l-Panama Papers kienet qatt ma kienet se tikber fl-iskala li hi u tikxef il-verita’ li kieku ma kienx għal whistleblower.

Fl-opinjoni tiegħu, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat ma kellhom l-ebda intenzjoni li jikxfu idejhom u jinfurmaw lill-poplu Malti dwar il-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

 

Aqra l-opinjoni tiegħu hawn: www.facebook.com/tim.diacono1

 

6. Christian Peregin – Fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ LovinMalta

“Il-Forza Nazzjonali hija ħafna aħjar mil-Labour tal-lum. U sakemm Joseph Muscat ikun Prim Ministru, ‘Malta Tagħna Lkoll’ se tibqa’ mejta”.

Dikjarazzjoni qawwija mill-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ LovinMalta Chris Perigin f’opinjoni li ppubblika u li fiha qajjem dubju dwar kemm pajjiżna jista’ jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba jekk Joseph Muscat jerġa’ jkun elett.

Peregin spjega li fl-2013, hu vvota lill-Partit Laburista għax kien emmen fil-viżjoni tal-Partit Laburista, iżda minkejja r-riżultati li nkisbu f’dawn l-erba’ snin, fl-aħħar ġimgħat ġraw ħafna affarijiet serji, u li wieħed ma jistax jinjorahom.

“Fl-aħħar ġimgħat inbidlu wisq l-affarijiet biex nibqa’ b’ħalqi magħluq nippretendi li kollox normali” kiteb Peregin, waqt li nnota li l-viżjoni ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ inkixfet bħala skuża biex jinsteraq il-pajjiż.

Aqra l-opinjoni tiegħu hawn: www.lovinmalta.com