Internazzjonali

Il-Pakistan jiċħad sehem fl-attakk ta’ Kabul

L-awtoritajiet tal-Pakistan ċaħdu l-akkużi tal-Afganistan li setgħu kienu involuti fl-isplużjoni kbira tal-bieraħ, f’Kabul, li ħalliet mat-80 mejtin u aktar minn 350 midruba.

L-isplużjoni fil-kapitali Afgana saret qrib iz-zona diplomatika u minkejja s-sigurtà kbira fl-inħawi, bl-ebda grupp ma jassumi responsabbiltà għall-attakk. L-awtoritajiet Pakistani, issa, qegħdin iwarrbu għall-allegazzjonijiet li l-militanti tan-network Haqqani — alleat mat-Taliban — setgħu wettqu l-attakk bl-għajnuna tal-entitajiet f’Islamabad.

Kelliema għall-Gvern Pakistani qalu li din l-informazzjoni kienet mingħajr bażi u li l-Pakistan, għall-kuntrarju, għandu kull interess li jkun hemm Afganistan stabbli. L-istess kelliema komplew li ‘ma kienu qed jgħinu lil ħadd l-akkużi infondati bil-għan li jinħbew in-nuqqasijiet tas-sigurtà Afgana’.

Il-Pakistan u l-Afganistan kemm il-darba jakkużaw lil xulxin b’li qegħdin jagħtu l-appoġġ u jaħbu lill-militanti fl-artijiet rispettivi. Dawn il-militanti kemm il-darba jaqsmu mill-fruntiera komuni biex iwettqu sensiela ta’ attakki qattiela fiż-żewġ pajjiżi.