Il-Partit għall-Moviment Magħqud Nazzjonali li jmexxi l-Oppożizzjoni ta’ Georgia qed isejjaħ għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern u l-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà fi Tbilisi. Dan b’konnessjoni mal-allegat ħtif ta’ ġurnalist investigattiv mill-Ażerbajġan waqt azzjoni ‘bejn fruntiera u oħra’.
Numru ta’ attivisti infurmati żvelaw l-informazzjoni huma u jitkellmu dwar l-aħħar impenji tar-reġim tal-Ażerbajġan biex joħnoq l-istampa ħielsa li qed tikxef każi regolari ta’ korruzzjoni u abbuż tad-drittijiet ċivili fl-artijiet Ażeri.
Sadanittant, il-parlamentari Salome Samadashvili qalet, fl-Assemblea ta’ Georgia, li l-awtoritajiet ta’ pajjiżha jridu jġorru responsabbiltà sħiħa għad-destin tal-ġurnalist, Afqan Muxtarli, li sparixxa fl-artijiet Ġorġjani fid-29 ta’ Mejju u li, imbagħad, deher waqt li kien miżmum taħt arrest, fl-Ażerbajġan.
Muxtarli kien ilu jgħix f’Georgia (fi stat ta’ eżilju li impona fuqu nnifsu) mill-2015. Sadanittant, l-avukat tiegħu qal li Muxtarli spiċċa maħtuf minn xi aggressuri fi Tbilisi, li daħħluh f’karozza u rabtuh. Ingħad ukoll li l-ġurnalist spiċċa msawwat bla ħniena ‘minn irġiel lebsin ta’ pajżana’ qabel twassal mill-fruntiera lejn l-Ażerbajġan.
Kelliema għall-Prosekutur Ġenerali tal-Ażerbajġan qal, intant, li Muxtarli kien arrestat fuq suspett li ‘qasam il-fruntiera illegalment’ u li hu ‘kien instab bil-pussess ta’ ammont kbir ta’ flus’. Il-verżjoni Ażera taċ-ċirkustanzi kompliet li l-ġurnalist ‘anki rreżista l-arrest’.
Id-difensuri internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Gvernijiet tal-Punent ilhom is-snin jikkritikaw lill-Gvern tal-Ażerbajġan rigward il-politika ripressiva tiegħu fil-konfront tal-ġurnalisti barranin u l-attivisti li qed jippromovu u jiddefendu d-drittijiet bażiċi – fosthom il-libertà tal-espressjoni.
Sadanittant, Ilham Aliyev (ritratt) , li ilu President tal-Ażerbajġan minn ftit wara l-mewt ta’ missieru – l-eks President Ażeri, Geidar Aliyev – fl-2003, għadu qed jinjora l-kritika kontinwa.
//= $special ?>