Il-passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ fuq ajruplan tal-Malaysia Airlines intervjenew biex rażżnu raġel (passiġġier) li pprova jidħol fil-kabina tal-pilota, fost l-għajat li ‘hu kien qed iġorr bomba’.
Id-drama seħħet waqt il-bidu ta’ titjira minn Melbourne, fl-Awstralja, lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja — bis-‘suspettat terrorista’ jispiċċa marbut bis-seatbelts u bl-ajruplan, imbagħad, idur lura lejn Melbourne.
Il-Pulizija fl-Awstralja, wara qalu li ma kenux jemmnu li l-inċident kien, fil-fatt, marbut mat-terroriżmu. Huma sostnew li l-inċident x’aktarx kien dovut ‘għall-problemi mentali serji’ li qed ibati bihom ir-raġel, li għandu 25 sena, u li ġej mis-Sri Lanka.
Sar magħruf ukoll li ‘tagħmir’ li r-raġel kien qed iġorr f’idu fl-eqqel tad-drama fuq l-ajruplan (u waqt li hu kien qed ilissen it-theddid) ma kien bl-ebda mod ta’ periklu għall-ħajja.
Numru ta’ xhieda li kienu fuq l-ajruplan irrakkuntaw li waqt li r-raġel kien qed jipprova jidħol ħdejn il-pilota, xi passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ ‘qabżu fuqu u żammewh mal-art’ filwaqt li użaw is-seatbelts biex rabtulu jdejh.
Malli l-ajruplan niżel f’Melbourne, telgħu abbord xi pulizija armati, li arrestaw lir-raġel, li mal-ħin kellu jitressaq il-qorti biex iwieġeb l-akkużi rigward ‘theddid, stqarrijiet foloz u aġir li jmur kontra s-sigurtà waqt it-titjiriet’.
//= $special ?>