Elezzjoni 2017 Lokali

“Jeħtieġ innaddfu pajjiżna mill-korruzzjoni biex niżguraw il-ġejjieni ta’ uliedna” – Marlene Farrugia

“Erba’ snin ilu kont parti minn tim li se jaħdem għal Malta iżda indunajna li mhux jaħdmu għal Malta iżda ħadmu lilna u lil Malta. Immaġinaw x’fadal ġo fiha meta bdejt nara li klikka korrotta ħatfet lil pajjiżna.” Kliem Marlene Farrugia, il-Kap tal-Partit Demokratiku meta indirizzat l-aħħar mass meeting tal-Forza Nazzjonali qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt.

Marlene Farrugia qalet li kien il-poplu Malti bil-bżulija tiegħu li  żamm l-ekonomija għaddejja. “Is-suċċess ta’ dak iż-żmien u tal-lum huma intom u ħadd iktar,” qalet Marlene Farrugia. “U ninsabu jumejn qabel elezzjoni bikrija għaliex dan is-suċċess jinsab f’periklu b’kapriċċ ta’ erba’ min-nies li biegħu lill-pajjiżna.”

“Meta tidħol il-korruzzjoni, din bħall-kamla teqred il-fibra tal-ekonomija tagħna u wara li bnejna pajjiż li hu l-għira ta’ ħafna, issa għandna Gvern li qed ibellgħalna li l-korruzzjoni hija n-norma. Jekk mhux se nnaddfu l-ekonomija mill-korruzzjoni, ma nistgħux niżguraw dan is-suċċess għal uliedna,” wissiet Farrugia.

Hi ddeskriviet il-kampanja elettorali bħala waħda ta’ bullying, fejn waqgħet il-maskra ta’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu u ipprova jdaħħal f’ras in-nies li mara mhux tajba għat-tmexxija. Marlene Farrugia temmet b’wegħda li dak li  qed jitgawda illum jibqa’ jitgawda. “Dan hu l-aqwa żmien biex nagħżlu Malta u Għawdex,” temmet Marlene Farrugia.