Lokali

Jitfakkar Jum Dinji tal-Protezzjoni tat-Tfal

Illum qed jiġi mfakkar Jum Dinji tal-Protezzjoni tat-Tfal – u għal din il-ġurnata speċjali l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care resqet proposti biex jitjiebu s-servizzi mogħtija lit-tfal vulnerabbli u ssir aktar protezzjoni li tilqa’ kontra li ssir aktar ħsara lit-tfal li jkunu ġew irriferuti għall-għajnuna.

Il-proposti mressqa huma dawn:

  1. Kull rapport ta’ allegat abbuż għandu jittieħed bis-serjeta’ u tittieħed azzjoni b’mod immedjat.
  2. F’każijiet fejn it-tfal ma jkunux jistgħu jkomplu jgħixu fil-familji bioloġika tagħhom – għandu jkun aċċertat li jinstabu familji jew postijiet simili għal dak li jkunu mrobbijin fih.
  3. Għanda ssir ħidma biex aktar nies jitħajjru jaħdmu fil-professjoni ta’ foster carers, sabiex tfal li jkunu sofrew l-abbużi jkunu protetti.
  4. Għandu jkun deċiż fl-iqsar żmien possibli jekk il-ġenituri tat-tfal li tkun ħarġiltihom ordni ta’ ħarsien humiex tassew impenjati biex jirriformaw ruħhom u b’hekk hux se jkunu f’pożizzjoni li jieħdu t-tfal lura
  5. Għandu jsir sforz biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn trabi jew tfal żgħar jitpoġġew fi djar residenzjali minħabba l-fatt li kull riċerka turi li lil dawn il-minuri tkun qed issirilhom ħafna ħsara psikoloġika u emozzjonali.
  6. Hemm bżonn li l-persuni inkarigati bit-tmexxija tas-servizzi tat-tfal, l-aġenzija għall-ħarsien tat-tfal u l-bordijiet li jiddeċiedu għat tfal għandhom ikunu magħżula wara sejħa pubblika u mhux skont l-appartenenza politika tagħhom.
  7. Għandu jibda jingħata fostering leave għall-każijiet ta’ emerġenza, meta t-tfal jintbagħtu ma’ familja mingħajr ma jkun hemm ċans ta’ preparazzjoni.
  8. Il-Gvern għandu jġallas il-kontribuzzjonijet tas-sigurta’ soċjali ta’ foster carers li jieqfu mix-xogħol jew innaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħom biex jieħdu ħsieb tfal speċjalment trabi.
  9. Għandu jinstab post adekwat u addattat għall-ħtiġijiet tat-tfal fejn isir l-aċċess tat-tfal mal-ġenituri.
  10. Għandu jiżdied is-sapport għat-tfal u anke għall-foster carers mingħand il-ħaddiema soċjali, psikologi u professjonijisti oħra li huma involuti.

L-Assoċjazzjoni qalet li sfortunatament f’pajjiżna l-protezzjoni tat-tfal u s-servizzi mogħtija f’dan is-settur fħadhom m’humiex tal-livell mixtieq. L-Assoċjazzjoni appellat lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jaħdmu id f’id sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet