#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

“Kelli ċ-ċans nagħlaq ħalqi imma l-prinċipji tiegħi ma ħallewnix” – eks Kandidat Laburista

Adrian G Meli stqarr li hu jemmen li għandu jagħżel lil pajjiżu qabel l-interessi tiegħu stess

Kandidat fl-aħħar elezzjoni tal-Partit Laburista tenna li wara li 4 snin ilu emmen f’Joseph Muscat, tant li kkontesta fuq it-tieni u t-tielet distrett – din id-darba qal li se jagħżel lill-Forza Nazzjonali – se jagħżel lil Malta.

Fuq Facebook, Adrian G Meli tenna li wara dak kollu li seħħ f’pajjiżna kellu ċ-ċans li jagħlaq ħalqu imma l-prinċipji tiegħu ma ħallewhx. Hu qal li wara l-aħħar elezzjoni li rebaħ il-Partit Laburista l-affarijiet inbiddlu u dehru ċari: “li tal-klikka bdew jaħtfu kemm jifilħu u li l-kejk li kellu jinqasam bejn kulħadd beda jitqassam lill-ftit”.

Adrian G Meli stqarr li hu jemmen li għandu jagħżel lil pajjiżu qabel l-interessi tiegħu stess, għalkemm kien hemm min mill-Partit Laburista ma rrispettax d-deċiżjoni tiegħu li jitkellem kontra l-Partit ta’ Joseph Muscat.

Ftit tal-jiem ilu, l-istess Adrian G Meli kien għamel din l-istqarrija ċara meta fuq Facebook ikkwota lil Philip Rizzo, li f’intervista fuq The Sunday Times of Malta żvela li tkellem mal-Prim Ministru u wissieh dwar korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-Ministeru tal-Edukazzjoni. Iżda l-Prim Ministru minflok ħa azzjoni offrielu post ieħor fejn imur jaħdem.

Adrian Meli, li fil-professjoni tiegħu hu spiżjar, fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet kien wieħed mill-kandidati ġodda għall-Partit Laburista.

F’intervista li kien għadda, iddikjara li t-tmexxija ta’ Joseph Muscat kienet tolqtu u kien hemm bżonn bidla fil-Gvern minħabba, fost l-oħrajn, il-problema tal-faqar. Madankollu f’erba’ snin biss Adrian Meli rrealizza li l-affarijiet mid-diskors ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss għall-fatti tal-aħħar erba’ snin, hemm baħar jaqsam.