#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Konrad Mizzi ħa f’idejh il-kumpanija fil-Panama ġurnata qabel daħlu l-flus mit-tixħim tat-tanker tal-gass

Konrad Mizzi ħa f'idejh il-kumpanija sigrieta' fil-Panama ġurnata biss qabel daħlu l-flus tat-tixħim mit-tanker tal-gass

Il-Ministru Konrad Mizzi ħa f’idejh il-kumpanija sigrieta’ tiegħu fil-Panama ġurnata biss qabel ma sar l-ewwel trasferiment ta’ flus minn Dubaj – konferma oħra li ħarġet mis-sit ta’ The Malta Independent dwar l-iskandlu tat-tixħim mit-tanker tal-gass f’Marsaxlokk.

The Malta Independent żvelat li rapport tal-FIAU jistqarr li kemm Konrad Mizzi u kif ukoll Keith Schembri fil-kumpaniji tagħhom ħadu kickbacks mill-proġett tal-power statation il-ġdida. Fl-artiklu, ingħad li l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi, bl-isem ta’ Hearnville, ġiet imniżżla f’isem Konrad Mizzi fir-22 ta’ Lulju 2015. L-għada, fit-23 ta’ Lulju 2015, kumpanija fid-Dubaj bl-isem ta’ 17 Black għaddiet flus fi transazzjoni lil kumpanija ta’ Konrad Mizzi. L-iskop prinċipali ta’ din il-kumpanija f’Dubaj kien li tgħaddi l-flus fil-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Skont l-istess informazzjoni li għandha The Malta Independent minn rapport tal-FIAU, Konrad Mizzi siefer sa Dubaj biex jiftaħ kont bankarju. Fir-rapport hemm ikkonfermat li Konrad Mizzi personalment mar Dubaj biex jippreżenta d-dokumenti neċċessarji.

Konrad Mizzi għamel xhur sħaħ jgħid li hu qatt ma ta permess biex jinfetaħ dan il-kont, iżda dan ir-rapport tal-FIAU stess igiddeb lil Ministru għaliex hu siefer personalment Dubaj għal dan il-għan biss.

The Malta Independent, li għandha kopja ta’ dan ir-rapport tal-FIAU, qalet li dan l-istess rapport ma jagħtix dettalji dwar din is-safra – iżda The Times of Malta użat il-liġi provduta fl-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni, u skopriet li Konrad Mizzi mar Dubaj fis-27 ta’ Awwissu 2015 – wara li l-flus leħqu ġew trasferiti fil-kumpanija 17 Black u skont l-istess kamra tal-aħbarijiet, dawn kienu qegħdin jistennew li jiġu trasferiti fil-kontijiet ta’ Konrad Mizzi u possibilment f’ta’ Keith Schembri.