Qorti

Missier Għawdxi mhux ħati li abbuża mit-tifla tiegħu

Il-Qrati tal-Ġustizzja - Arkivji
Bintu ħadet spunt waqt li kienet qed tara l-aħbarijiet u ddeċidiet li tmur għand counsellor u tgħid li missierha abbużha.

Missier Għawdxi ma nstabx ħati li stupra lil bintu ta’ 13-il sena. Fil-fatt irriżulta li l-iskop tat-tifla kien li missierha jindirizza l-problema tax-xorb li kienet qed twasslu biex jerfa’ jdejh fuq ommha.

L-allegat każ seħħ f’Settembru tal-2014 meta il-familja kienet qed tiċċelebra għeluq snin it-tifla f’farmhouse. Ingħad li missierha u hi kienu reqdin ħdejn xulxin u meta stenbaħ sab idu fuq sider it-tifla u kif induna nħasad u mar jorqgħod fuq is-sufan.

Jidher li l-missier kellu l-vizzju tax-xorb u minħabba f’hekk kien qed isir vjolenti. Kien għalhekk li bintu ħadet spunt waqt li kienet qed tara l-aħbarijiet u ddeċidiet li tmur għand counsellor u tgħid li missierha abbużaha.

Min-naħa l-oħra, il-missier ammetta li kellu problema ta’ alkaħol iżda meta kellu din l-allegazzjoni ta’ abbuż quddiemu beda jattendi programm biex jaqta’ l-vizzju tax-xorb.

Filwaqt li l-Qorti qalet li ma taqbilx mal-allegazzjonijiet li għamlet it-tifla għax b’hekk tefgħet lill-missierha f’akkuża kriminali, mill-banda l-oħra it-tifla laħqet l-iskopijiet tagħha hekk kif il-familja llum qed tgħix ħajja aħjar.

Il-Qorti lliberat lil missier.