Elezzjoni 2017 Lokali

“Se nsaħħu dak li hu tajjeb u nneħħu l-ħażin” – Simon Busuttil

Ejjew ningħaqdu f’dan il-mument meta pajjiżna qiegħed isejħilna. Ejjew inkunu nazzjon wieħed, familja waħda, għax f’dawn il-mumenti hemm bżonn l-għaqda biex ikollna s-sliem.

Ejjew ningħaqdu u nkunu akbar minn kull klikka li ħakmet il-poter. Ejjew ningħaqdu u nkunu forza kbira, forza ta’ poplu, forza tar-raġuni. Forza Nazzjonali. Ejjew ningħaqdu u nagħmlu dak li hu sewwa għax is-sewwa jirbaħ żgur.

Ejjew ningħaqdu fl-għażla tagħna għal pajjiżna. L-għażla bejn il-passat li ġarrabna fl-aħħar erba’ snin u l-futur li qed jgħajtilna, il-futur li qed jinfetħilna, il-futur li se ngħixu flimkien meta nhar is-Sibt immorru u bil-vot tagħna ngħidu: Jien nagħżel Malta.

B’dan il-messaġġ u l-appelli għalaq il-kampanja elettorali tal-Forza Nazzjonali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-aħħar mass meeting tal-kampanja Fuq il-Fosos tal-Furjana llejla.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fisser li dan hu mument meta pajjiżna qiegħed isejħilna biex inkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja f’mumenti ieħor li fl-istorja ta’ pajjiżna se jibqa’ jissemma’.

Hu tkellem dwar kif il-poplu għix din il-kampanja intensa flimkien, immexxija mill-Forza Nazzjonali,  u kif issa wasal il-mument li nlestu dak li bdiet il-Forza Nazzjonali

“Qegħdin hawn mhux biss bħala Partit Nazzjonalista imma bħala Forza Nazzjonali. Forza ta’ prinċipji – il-prinċipju tal-libertà; tad- drittijiet ugwali; li ma tibżax tgħid li trid; li kulħadd għandu jieħu l-opportunitajiet li ħaqqu; tal-ġustizzja u s-saħħa tal-istituzzjonijiet indipendenti; u fuq kollox il-prinċipju tad-demokrazija.”

Elenka wkoll l-aspett tul din il-kampanja, ta’ min ipprova jbeżża’ mhux bil-fatti imma bil-gideb.Simon Busuttil appella lill-elettorat ma jibżax, ma jħallix il-biża’ toħnoqna u dan biex inneħħu l-ktajjen tal-biza’.

B’riferenza għall-wegħda tal-Partit Laburista ta’ erba’ snin ilu, Simon Busuttil qal li biex Malta tkun Tagħna Lkoll issa jeħtieġ nivvutaw lill-Forza Nazzjonali li fil-ħames snin li ġejjin, kemm-il darba tingħata l-fiduċja tal-poplu, se tmexxi billi tqiegħed l-ewwel lill-pajjiżna.

Il-Forza Nazzjonali tmexxi billi:

•      issaħħaħ dak li hu tajjeb u tbiddel dak li hu ħażin;

•      tkabbar il-Forza Ekonomika ta’ pajjiżna għax se tkun mibnija fuq pedamenti sodi li minnha jgawdi kulħadd;

•      u tikber aktar l-ekonomija għax tkun ġusta; innovattiva; trasparenti li tħalli lil kulħadd jaħdem; li toħloq xogħol ta’ kwalità.

Simon Busuttil qal li l-Forza Nazzjonali għandha viżjoni għal pajjiżna. Viżjoni ta’ soċjetà ġusta fejn min stinka biex jasal, jirnexxi u fejn min għandu bżonn l-għajnuna jsibha; min hu marid isib l-għajnuna bla ma jittallab, min m’għandux saqaf fuq rasu ngħinuh isib saqaf fuq rasu; u fejn il-pensjonanti nagħtuhom ħajja diċenti.

Għandna viżjoni ta’ soċjetà ta’ ugwaljanza fejn id-drittijiet ċivili ta’ kulħadd ikunu rispettati.

Viżjoni ta’ kwalita ta’ ħajja aħjar fejn ingawdu ambjent aħjar; fejn il-passatempi tiegħek ikollok ħin tgwadihom; fejn ikollna, l-aqwa toroq, l-isbaħ pjazzez, ġonna u spazji pubbliċi u fejn ma nibqgħux imwaħħlin fit-traffiku.

Viżjoni li pajjiżna jkun immexxi bl-eżempju billi noħolqu strutturi biex innaddfu s-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem; neliminaw il-korruzzjoni, inwettqu ġustizzja ma’ min sofra inġustizzji, u nkunu trasparenti u onesti.

U fuq kollox, kompla Simon Busuttil, għandna viżjoni li minn nhar it-Tnejn nerġgħu nibnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li nagħlqu l-Presidenza Maltija tal-UE billi nibagħtu messaġġ ċar lid-dinja, li pajjiżna huwa nadif u li aħna kburin li aħna Maltin.

Fl-aħħar appelli tiegħu fl-għeluq tal-kampanja elettorali, l-aqsar waħda possibbli msejħa mill-Prim Ministru, Simon Busuttil appella lil dawk li huma indeċiżi biex jivvutaw skont il-kuxjenza – il-kuxjenza li mhix għall-bejgħ.

Liż-żgħażagħ appellalhom biex imorru jivvutaw għaż-żgħażagħ, għall-futur tagħhom, u għal aktar opportunitajiet.

Appella wkoll lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ifehmu lil ħaddieħor dwar kif u għaliex pajjiżna qiegħed isejħilna u li għandna bżonn lil kulħadd. Dan biex inkunu qed nagħtu l-akbar rigal lil pajjiżna f’dan il-mument storiku.

“Minn-naħa tiegħi jiena nwegħedkom li se nżomm il-kelma tiegħi fuq kull ħaġa li għidtilkom – għax il-kelma tiegħi hija r-rabta tiegħi”, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Appella wkoll li hekk kif l-istorja tagħna nafuha lil dawk ta’ qabilna, dawk li kienu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja qabilna, illum jeħtieġ li bis-sehem tagħna niżguraw li dawk se jiġu warajna jkunu jafuh lilna bħalma aħna nafuħ lil ta qabilna.