Internazzjonali

Theresa May titlob l-għajnuna biex tattwa l-wiegħda tal-Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ħeġġet biex il-votanti Britanniċi, ‘irrispettivament mill-fehma tagħhom’, jappoġġjawha fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa d-dieħla, biex hi tkun tista’ ‘tattwa l-wiegħda tal-Brexit’.

May qed tpoġġi l-proċess tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-qalba tal-kampanja tagħha, fejn qed issostni li l-Brexit kapaċi jwassal għal ‘opportunitajiet kbar’ għal pajjiżha.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru May qalet li l-Kap Laburista Jeremy Corbyn – bħala l-uniku rivali potenzjali għat-tmexxija tar-Renju Unit – ‘mhux kapaċi biex jassumi responsabbiltà hekk kbira’.

May għamlet diskors sinifikanti f’Teesside biex tfassal il-viżjoni tal-irtirar mill-UE bħala ‘missjoni nazzjonali kbira’ biex ir-Renju Unit ikun aktar sinjur u b’saħħu ‘filwaqt li mmexxi minn kunċett għall-ġustizzja soda’. Hi qed taħseb ukoll fit-tkattir ‘ta’ Renju Unit ‘il hinn mill-Brexit li jassumi livell aktar globali bħala pajjiż b’viżjoni fit-tul’.

Meta fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru qalet li l-futur jista’ jkun irrealizzat biss f’każ li l-elettorat jappoġġja lill-Partit Konservattiv fil-Gvern.

Hi sostniet li ‘issa hu ż-żmien li d-deċiżjoni tal-Britanniċi ( għall-Brexit) tkun irrispettata’ u biex il-pajiż ‘jieħu d-deċiżjonijiet importanti għall-poplu’.

Theresa May seħjet elezzjoni ġenerali bikrija wara li kienet qalet li kellha tistenna sal-2020. Hi qed tgħid li għamlet dan biex tinnegozja dwar il-Brexit minn pożizzjoni aktar soda.

Aktar qabel, Theresa May kienet akkużata li ħarbet minn dibattitu importanti li kien jinvolvi lir-rivali politiċi tagħha u li xxandar fuq l-Istazzjon tal-BBC bħala parti mill-kampanja elettorali.Filwaqt li s-Segretarju tal-Intern, Amber Rudd, ħadet post Theresa May għad-dibattitu, ir-rappreżentanti politiċi l-oħrajn qalu li l-Prim Ministru ‘ma kellhiex stonku għall-konfront politiku’ minkejja li hi ilha li eskludiet sehem f’dawn it-tipi ta’ dibattiti.

Il-Prim Ministru May qed tgħid li tippreferi li tiltaqa’ man-nies u twieġeb għad-domandi milli toqgħod tintilef fil-battibekki ma’ politiċi oħra.

Sadanittant, id-dibattitu kien segwit minn eluf kbar ta’ telespettaturi u fih spikkaw il-mumenti jaħarqu — b’mod partikulari meta Amber Rudd u l-Kap Laburista Corbyn, tlewwmu dwar il-livell tal-għajxien u l-qtugħ fis-sistema tal-ġid soċjali fir-Renju Unit.

Amber Rudd iddefendiet lil Theresa May bħala t-tip ta’ mexxejja b’saħħitha biżżejjed biex tmexxi pajjiżha mill-proċess tal-Brexit, iżda l-fatt li l-Prim Ministru ma’ attendietx għal dan id-dibattitu importanti qanqal reazzjoni negattiva minn setturi tal-pubbliku li kienu intervistati.