Futbol Sport

Zoran Popovic minflok Paul Zammit ma’ Valletta

Il-kowċ il-ġdid ta’ Valletta Zoran Popovic

Il-kowċ il-ġdid li se jkun qed imexxi lil Valletta fl-istaġun li ġej se jkun Zoran Popovic. Dan wara li l-Kumitat tal-klabb aċċetta l-ittra ta’ riżenja mingħand Paul Zammit li jidher li diġà għandu żewġ offerti minn żewġ klabbs oħra stabbiliti fil-Kampjonat BOV Premier.

Zammit kien għad fadallu sena biex jiskadielu l-kuntratt imma għażel li ma jibqax imexxi lit-tim li dan l-istaġun naqas milli jirbaħ il-kampjonat.

Popovic hu eksplejer ta’ Floriana u Mosta u li f’pajjiżna bħala kowċ diġa mexxa lill-istess Floriana fl-istaġun 2008/2009. Hu kien dam biss nofs staġun imexxi lit-tim qabel ma mar is-Serbja fejn ħadem ma’ FK Cukaricki. F’Jannar li għadda hu mexxa lit-tim mill-Oman ta’ Saham.

L-ewwel biċċa xogħol ta’ Popovic se tkun li jibda jħejji lit-tim għall-impenji tal-Europa League li jkunu lejn tmiem dan ix-xahar u bidu ta’ Lulju.

F’kummenti li ta l-President ta’ Valletta Victor Sciriha rringrazzja lil Zammit għax-xogħol tiegħu matul dawn l-aħħar sentejn. Fl-istaġun 2015-16 Valletta rebħu l-kampjonat u f’Diċembru li għadda rebħu s-Super Cup.