Elezzjoni 2017 Lokali

Il-Kummissjoni Elettorali tonqos milli tassigura level-playing field f’jum is-silenzju

Protest urġenti wara li kandidati Laburisti jiksru s-silenzju injorat mill-Kummissjoni Elettorali

Il-Partit Nazzjonalista ħalla lill-kandidati tiegħu fil-libertà li jwasslu l-messaġġ tagħhom permezz ta’ Facebook huma wkoll, wara li l-Kummissjoni Elettorali naqset milli tassigura level-playing field f’Jum is-Silenzju, lejliet l-elezzjoni.

Dan wara li aktar kmieni, il-Partit Nazzjonalista bagħat protest urġenti lill-Kummissjoni Elettorali talli l-Partit Laburista u kandidati Laburisti kienu għadhom qed jirreklamaw affarijiet politiċi fuq Facebook permezz ta’ ‘sponsored ads’, liema protest urġenti ġie injorat mill-Kummissjoni Elettorali.

Filfatt, il-Kummissjoni Elettorali baqgħet siekta quddiem il-protest li tressaq b’urġenza, bil-Partit Nazzjonalista jgħid li b’hekk, il-Kummissjoni Elettorali naqset milli taġixxi skont ir-rwol Kostituzzjonali tagħha.

Minkejja li ebda kandidat jew partit politiku m’għandu juża l-mezzi pubbliċi biex iwassal il-messaġġ tiegħu, numru ta’ kandidati tal-Partit Laburista għażlu li jibqgħu jagħmlu dan permezz ta’ sponsorship fuq Facebook Posts. Il-Kummissjoni Elettorali kienet infurmata b’dan minn kmieni dalgħodu, iżda għażlet li tagħlaq għajnejha u tħalli lill-kandidati tal-Partit Laburista jxerrdu l-messaġġ tagħhom f’jum is-silenzju.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hi ħasra li l-istituzzjoni li tassigura level-playing field naqset milli tagħmel dan, u għal din ir-raġuni, qed iħalli l-kandidati tiegħu fil-libertà li jirreklamaw fuq Facebook.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jkun lest li jirtira din id-deċiżjoni ladarba l-Kummissjoni Elettorali taġixxi kif inhu l-obbligu tagħha li tagħmel.