Qawwiet leali għall-Gvern tal-għaqda Libjan li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti ħatfu kontroll tal-ajruport internazzjonali ta’ Tripli, li, fil-parti kbira, kien inqered fl-2014. Dan seħħ wara li kienu rtiraw il-milizzji rivali mis-sit.
L-ajruport, lejn in-nofsinar ta’ Tripli, kien ġarrab il-ħsarat kbar waqt il-kumbattimenti ħorox li ssukktaw għal diversi ġimgħat, fl-2014. Kien wara dan il-ġlied li l-koalizzjoni tal-milizzji ta’ Fajr Libja ħatfet ir-riedni fil-kapitali fejn poġġiet Gvern leali għaliha.
Intant, il-Ġeneral Najmi al-Nakoua, il-kap tal-Gwardja Presidenzjali li għadha kemm ġiet iffurmata, tkellem dwar l-aħħar żviluppi u qal li ‘dan hu l-bidu tar-rikostruzzjoni tal-Istituzzjonijiet importanti fil-Libja’.
It-titjiriet lejn Tripli u ‘il hinn minnha, fl-aħħar żmenijiet, kienu qed jibbażaw fuq l-ajruport ta’ Mitiga – eksbazi militari lejn il-Lvant tal-kapitali u li hi kkontrollata mill-Gvern Libjan għall-Ftehim Nazzjonali appoġġjat min-NU.
L-ajruport kien ikkontrollat mill-qawwiet leali għal Khalifa Ghweil, li kien mexxa Gvern rivali u li twarrab ladarba kien iffurmat il-Gvern għall-għaqda ( Ftehim Nazzjonali) Libjan.
Ghweil, li rrifjuta li jċedi postu, kien ħabbar, fi Frar, il-pjani tiegħu biex jerġa’ jiftaħ l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli.
Intant, fl-aħħar sigħat, il-qawwiet leali għal Ghweil ippruvaw u fallew milli jieħdu lura l-pożizzjonijiet li kienu tilfu f’Marzu, bl-istess qawwiet anki jitilfu aktar minn 50 ġellieda fl-aħħar battalji mal-qawwiet tal-Gvern għall-għaqda Libjan.
Il-qawwiet Libjani rivali, gradwalment, abbandunaw il-fortizzi tagħhom lejn in-nofsinar ta’ Tripli, bil-Gvern għall-Għaqda Nazzjkonali jirnexxilu jikseb aktar art fil-kapitali fejn anki ħa l-kontroll ta’ diversi barracks u siti militari.
//= $special ?>