Futbol Sport

Il-UEFA se tonora lil Francesco Totti

Totti se jkun onorat mill-Uefa

Il-UEFA ħabbret li se tonora lill-eks captain leġġendarju ta’ Roma Francesco Totti li rtira mill-futbol ġimgħa ilu.

Nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju Totti libes il-flokk ta’ Roma għall-aħħar darba fil-karriera tiegħu meta lagħab fl-aħħar logħba tal-kampjonat kontra Genoa. Roma taw l-aħjar tislima lill-captain tagħhom li ilu jilgħab magħhom 25 staġun billi rebħu 3-2 bil-gowl deċiżiv jasal fl-aħħar minuta.

Totti se jingħata l-unur tal-President tal-UEFA bħala rikonoxximent tal-karriera mill-aqwa li kellu u l-lealta’ għall-klabb tal-belt kapitali Taljana.

“L-unur tal-president jirrikonoxxi kisbiet kbar, eċċellenza professjonali u kwalitajiet personali eżemplari. Dawn il-kwalitajiet huma personalizzati f’Totti li kellu karriera b’lealtá straodinajra u dedikazzjoni kbira lejn Roma u lejn il-futbol,” qal il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin.

Rebbieħa ta’ dan l-unur fil-passat jinkludu lil Paolo Maldini (2003) Alfredo Di Stéfano (2007), Sir Bobby Charlton (2008), Eusébio (2009), Raymond Kopa (2010), Gianni Rivera (2011), Franz Beckenbauer (2012) u Johan Cruyff (2013). Totti se jirċievi dan l-unur waqt serata ta’ premjazzjoni f’Awwissu li ġej.

Hu se jagħlaq 41 sena f’Settembru li ġej.