Raġel ta’ 55 sena minn Tas-Sliema kellu inċident bil-karozzin tiegħu fi Triq ix-Xatt f’Tal-Pietà.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.45AM meta l-kuċċier kien qed isuq il-karozzin tiegħu lejn il-Belt Valletta meta nltaqat minn karozza. Bid-daqqa hu waqa’ minn fuq il-karozzin u spiċċa mal-art. Apparti minn hekk, bid-daqqa iż-żiemel sfratta u ħarab b’kollox. Iż-żiemel waqaf fuq central strip ftit metri ‘l fuq minn fejn seħħ l-inċident.
Fuq il-post tal-inċident issejħet l-għajnuna medika u l-ambulanza ħadet lill-kuċċier l-isptar Mater Dei għal aktar kura u aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Apparti minn hekk, fuq il-post marru wkoll uffiċjali mill-Animal Welfare sabiex jikkuraw liż-żiemel li sofra xi ġrieħi.
Mal-Pulizija, il-kuċċier qal li l-karozza li laqtet il-karozzin baqgħet sejra u għalhekk qed issir tfittxija għal din il-karozza ta’ kulur abjad. Fil-fatt sabiex isir dan se jintużaw filmati tas-CCTV li hemm fl-istess triq fejn seħħ l-inċident sabiex tiġi identifikata din il-vettura.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga dan l-inċident.
//= $special ?>